Lokali Qorti

Stoyan Gafa kkundannat sentejn ħabs wara li saq taħt l-influwenza tad-droga

Stoyan Gafa ta’ 21 sena minn Marsaskala, ingħata sentenza ta’ sentejn priġunerija talli saq taħt l-influwenza tad-droga, kif ukoll kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.

Stoyan Gafa’ ammetta għall-akkużi relatati ma’ kollizjoni b’erba’ karozzi involuti li seħħet ftit wara nofsillejl nhar l-11 ta’ Frar.

Gafa’, li kien qed isuq karozza ta’ għamla Mercedes, kien involut f’ħabta ma’ erba’ karozzi oħra, inklużi karozza tat-Transport Malta, Peugeout, Ford u BMW.

Gafa’ kien mixli wkoll li kkawża ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq uffiċjal wieħed, iżda uffiċjal ieħor sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

Gafa diġà xellef idejh mal-liġi fuq aċċident ieħor li seħħ lejliet il-Milied, fejn hu allegatament kien involument f’aċċident fatali f’San Ġiljan fejn mietet mara Kolombjana ta’ 31 sena, Angie Marlen Mesa Gonzalez.

F’dak il-każ, hu kien qed isuq il-karozza ta’ missieru mingħar assigurazzjoni u taħt l-influwenza tal-kannabis. Il-prosekuzzjoni nnutat ukoll li kien involut f’inċident nhar l-20 ta’ Diċembru, u inċident ieħor f’Marsaskala fejn persuna weġġgħet gravi. Fiż-żewġ inċidenti kien qed isuq mingħajr assigurazzjoni.