Iżrael, fil-preżent, qed jassumi r-rwol ewlieni fil-kampanja militari kontra l-Iran u meta dan il-pajjiż u l-Istati Uniti huma determinati li jeliminaw kull membru tar-reġim Iżlamiku f’Tehran li għal snin kien immexxi minn Ali Khamenei… L-eks-Aytollah li nqatel waqt l-ewwel mewġa ta’ attakki, nhar is-Sibt, fuq is-sede tal-poter tiegħu f’Teheran.
Fl-aħħar sigħat, intant, mewġa wara l-oħra ta’ attakki intensivi mill-ajru konċentraw fuq il-pożizzjonijiet tal-militar fiċ-ċentru tal-Iran u fuq iz-zoni kontrollati mill-pulizija qalb il-fruntiera tal-pajjiż mal-Iraq.
Dan fost indikazzjonijiet li Iżrael u l-Istati Uniti qegħdin jippreparaw biex anki jiftħu front ieħor f’din il-gwerra.
Il-pjan għal dimensjoni ġdida f’din il-gwerra sadanittant, qed jitqies bħala ferm perikoluż mill-osservaturi internazzjonali. Dan għaliex l-appoġġ militari lill-komunitajiet etniċi tal-Iran min-naħa tal-Amerikani u Iżraeljani x’aktarx li jwassal għal gwerra ċivili kaotika u għat-tul taż-żmien fl-Istat Iżlamiku.
Fl-istess ħin, l-Istati Uniti lesta biex tuża l-ajruplani tal-gwerra bħala appoġġ lill-ġellieda Kurdi f’każ li huma jaqsmu lejn l-Iran mill-artijiet lejn in-naħa ta’ fuq tal-Iraq. Il-President Amerikan Donald Trump wiegħed li jagħti kull sostenn, f’armamenti, lill-gruppi tal-ġellieda li lesti biex jattakkaw u jeliminaw ir-reġim Iranjan.
Fl-istess ħin, il-qawwiet Iżraeljani qed iwettqu l-attakki konsekuttivi biex jeqirdu l-kapaċitajiet militari tal-Iranjani lejn il-Punent ta’ pajjiżhom u biex, fl-istess ħin, iwittu t-triq għal offensiva potenzjali mill-art fuq Teheran min-naħa tal-Kurdi.
Min-naħa tiegħu, l-Iran, li kompla jispara l-missili u d-drones lejn il-bażijiet u l-interessi tal-Amerikani fil-pajjiżi ġirien tal-Golf, ħareġ twissija biex il-gruppi separatisti jżommu lura minn azzjoni fil-konfront tiegħu.
Dan ukoll waqt li l-Iranjani kkonfermaw li wettqu l-attakki fuq il-gruppi tal-Kurdi bażati fl-Iraq u li huma ‘opposti għar-rivoluzzjoni Iżlamika tal-Iran’.
Numru ta’ rapport qalu l-gruppi tal-militanti mir-reġjun ta’ Baloċistan, li huma kontra r-reġim Iranjan, kienu qasmu lejn l-Iran u wara li avvanzaw mill-bażijiet qalb il-fruntieri tal-Pakistan
Madankollu, l-Iranjani Kurdi fin-naħat ta’ fuq tal-Iraq ċaħdu li l-qawwiet tagħhom kienu daħlu fl-Iran u sostnew li huma ma setgħux jieħdu dan il-pass mingħajr sostenn sinifikanti mill-qawwiet tal-ajru.
Fi żviluppi oħra, l-isplużjonijiet komplew jidwu f’Teheran waqt is-sitt jum tal-gwerra li qed imexxu l-Istati Uniti u Iżrael.
Intant, il-Gwardja Repubblikana tal-Iran sparat mill-ġdid il-missili lejn Iżrael, flimkien mal-missili lejn bnadi oħra tal-Golf – b’missila minnhom u talanqas sitt drones jolqtu l-artijiet tal-Emirati Għarab.
Kienu rappurtati anki l-isplużjonijiet ġodda fl-artijiet tal-Qatar u Bahrain – bl-awtoritajiet fl-Ażerbajġan isostnu li pajjiżhom spiċċa mira għal żewġ drones sparati direttament mill-Iran.
L-Ażerbajġan, kuntrarju għall-pajjiżi tal-Golf u r-reġjun tal-Kurdistan fl-Iraq, ma għandu l-ebda bażijiet tal-Amerikani u għaldaqstant, ħadd ma jaf għalfejn seħħ l-attakk fil-konfront tiegħu.
L-Iran lanqas ma spjega għalfejn spara d-drones fid-direzzjoni ta’ ajruiport fir-reġjun awtonomu ta’ Nakhchivan.
//= $special ?>

