Lokali

Alex Borg f’laqgħa ma’ Roberta Metsola fid-Dar Ċentrali

Il-gwerra fir-regjun tal-Golf, l-invazjoni Russa fl-Ukrajna u l-effetti ta’ dawn il-kunflitti fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej kienu diskussi waqt laqgħa importanti li saret il-Ħamis bejn il-Kap tal-PN Alex Borg u l-President tal-Parlament Eworpew Roberta Metsola.

Fil-fatt, Roberta Metsola għamlet żjara ta’ korteżija lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg fl-uffiċju tiegħu fid-Dar Centrali – fejn iddiskutew fit-tul dak li qed jiġri fl-Ewropa u fil-Golf Għarbi; u b’liema mod pajjiżna qed jiġi impattat minn dawn is-sitwazzjonijiet.

Alex Borg tkellem dwar l-instabbiltà internazjonali li qed iġibu magħhom dawn il-gwerer. U nsista li l-interess nazzjonali – anke f’dawn ic-cirkustanzi – għandu jibqa’ jmexxina f’kull deċiżjoni li tittieħed.

Robert Metsola kompliet ma’ dan l-aspett u fakkret li bla dubju, din l-instabbiltà se tkun qed tħalli l-effett tagħha. Dan meta l-familji, bħalissa, diġa’ qed iħossu l-piż tal-għoli tal-ħajja.

Roberta Metsola ilha President tal-Parlament Ewropew sa minn Jannar tal-2022 u kienet l-ewwel Maltija u l-iżgħar persuna li qatt okkupat din il-kariga. Apparti minn hekk hi ġiet ikkonfermata għal terminu ieħor f’din il-kariga tant importanti wara l-elezzjonijiet Ewropew tal-2024.