Żewġ Maltin u żewġ Taljani ġew arrestati nhar it-Tlieta b’rabta ma’ allegat importazzjoni f’Malta ta’ ftit iktar minn 12-il kilogramma droga suspettata kokaina minn Sqallija.
Agatino Claudio Roberto ta’ 49, Daniela Portale ta’ 42, Keith Spiteri ta’ 26 u Jide Mallia ta’ 26 sena, dehru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati nhar il-Ħamis wara li nstabet 12.5 kilogramma ġejja minn Sqallija f’karozza.
Il-Qorti semgħet kif nhar it-3 ta’ Marzu, investigazzjonijiet wasslu sabiex tiġi identifikata vettura fost diversi vetturi li kienu qed jiġu użati biex tiġi importata d-droga minn Sqallija.
Irriżulta li ż-żewġ Taljani, raġel ta’ 49 u mara ta’ 42 sena kienu se jaslu Malta b’vettura bil-katamaran minn Sqallija. Wara li niżlu minn fuq il-katamaran, il-pulizija segwewhom sal-Gudja fejn it-Taljani ltaqgħu ma’ żewġ Maltin ta’ 26 sena.
Kien hawn li l-pulizija interċettat il-vettura u l-erba’ persuni ġew arrestati. Meta saret it-tfittxija, instab l-ammont ta’ 12.5 kilogramma kokaina fil-bumper tal-karozza.
Il-prosekuzzjoni talbet għall-iffriżar tal-assi tal-imputati, fejn il-Qorti laqgħet it-talba.
Il-każ ikompli.
//= $special ?>

