Lokali Qorti

Erba’ persuni arrestati b’rabta ma’ importazzjoni tad-droga

Żewġ Maltin u żewġ Taljani, it-Tlieta waranofsinhar ġew arrestati b’rabta ma’ allegat
importazzjoni f’Malta ta’ ftit iktar minn tnax-il kilo droga suspettata kokaina, minn Sqallija.
Il-valur tad-droga fis-suq hu stmat li jlaħħaq is-€600,000. Wara informazzjoni li ġabret il-Pulizija, irriżulta li ż-żewġ Taljani – raġel ta’ 49 sena u mara ta’ 42 sena – kienu se jaslu Malta b’vettura bil-katamaran minn Sqallija. Wara li niżlu minn fuq il-katamaran, il-Pulizija segwewhom sal-Gudja, fejn hemmhekk it-Taljani ltaqgħu maż-żewġt irġiel Maltin, it-tnejn ta’ 26 sena.

Kien hawn li l-Pulizija interċettat il-vettura u l-erba’ persuni ġew arrestati. Dan wara li tfittxija
li saret fil-karozza kkonfermat l-informazzjoni li kellha l-Pulizija u d-droga nstabet moħbija
f’kompartament. Bis-sejba kien infurmat il-Maġistrat Franco Agius li ħatar inkjesta, filwaqt li l-erba’
persuni qegħdin jinżammu arrestati fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana. Huma mistennija jitressqu l-Qorti l-Ħamis, għall-ħabta tas-1:30 pm, quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.