Bħal fis-snin li għaddew, uħud mill-aqwa atturi ta’ Malta se jingħaqdu f’kast tal-ogħla livell b’għan filantropiku. Ir-rapreżentazzjoni li se tittella’ għal darb’oħra fil-ġonna ta’ madwar il-Kastell tal-Verdala fil-Buskett u li se tkun esperjenza unika u interattiva għal dawk kollha li jagħżlu li jattendu.
Il-ġonna ta’ madwar il-kastell se jiġu mibdula fit-toroq ta’ Ġerusalemm f’dak il-lejl storiku u l-udjenza nnifisha ser isir parti importanti minn dak kollu li jkun qed iseħħ. Il-Mixja se tkun qiegħda ssir għal darb’oħra taħt il-patroċinju distint, ta’ Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta.
L-udjenza se timxi pass pass mal-passjoni ta’ Kristu, mill-aħħar ċena sal-Golgota filwaqt li nħawi differenti fil-ġonna se jservu bħala l-isfond għad-diversi xeni li jwasslu din il-ġrajja lill-udjenza bl-iktar mod realistiku u personali. Din l-esperjenza drammatizzata tippreżenta l-passjoni ta’ Ġesù Kristu b’mod li l-udjenza tkun tista’ tħoss u tesperjenza dak kollu li ġara dak in-nhar f’Ġerusalemm.
“Il-mod kif qed tiġi ppreżentata din l-esperjenza tal-passjoni hija intenzjonata sabiex iġġiegħel lill-udjenza tħossha daqslikieku kienet parti mill-folla li kienet preżenti fl-aħħar jumejn tal-ħajja ta’ Ġesú qabel il-qawmien tiegħu mill-mewt. Fil-fatt, propju minħabba dan, m’aħniex se nużaw l-ebda forma t’amplifikazzjoni waqt il-mixja, qal Alan Fenech li qed jidderieġi dan id-dramm.
Il-kast jinkludi wħud mill-aqwa atturi ta’ Malta li huma magħrufa sew ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom id-drama fit-teatri u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin. Il-parti ta’ Kristu se tkun f’idejn l-attur żagħżugħ John Vassallo. “Kast ta’ atturi ta’ din il-kwalita’ huwa garanzija ta’ produzzjoni tal-ogħla livell.
L-udjenza se jkollha l-okkażjoni li tara lill-artisti favoriti tagħhom filwaqt li jkunu qegħdin jaħdmu fil-viċin u dan ikompli jżid mal-atmosfera ġa unika grazzi anki għall-kostumi u l-post innifsu”, kompla Fenech. Il-produzzjoni tinkludi wkoll mużika oriġinali ta’ Ray Zammit.
“Il-Mixja” ser issir fil-31 ta’ Marzu kif ukoll fl-1 u fit-2 ta’ April fis-7:30pm. Il-biljetti jiswew €10 biss (tfal taħt it-tnax-il sena jidħlu b’xejn) bil-qliegħ kollu jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. Sabiex tiġi ggarantita l-aqwa esperjenza għal dawk li jattendu, il-biljetti huma limitati u għalhekk booking minn qabel huwa rikmandat.



