Il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex il-kumpanija ta’ Steward Healthcare tgħaddi ġuri fuq akkużi kriminali marbutin mal-każ kontroversjali tat-tliet sptarijiet pubbliċi li l-Gvern tal-Labour kien ta lil dawn il-barranin.
F’digriet mogħti mill-Maġistrat Lara Lanfranco, il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ppreżentat biżżejjed evidenza fi stadju preliminari biex il-kumpanija titpoġġa taħt att ta’ akkuża quddiem il-Qorti Kriminali.
Il-kumpanija, fil-kapaċità legali tagħha, hi akkużata bi frodi, tixħim, ħasil tal-flus, u anke misapproprijazzjoni, b’rabta mad-deal li kien għamel Gvern Laburista fl-2015.
Dan il-ftehim kellu jwassal għall-immaniġġjar tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech, kif ukoll l-Isptar Ġeneral ta’ Għawdex, u kien ġie deskritt minn Joseph Muscat bħala ftehim li kellu jimmodernizza s-settur mediku – deal li swiena miljuni kbar ta’ ewro, u li Robert Abela baqa’ sal-aħħar jiddefendih.
Il-konċessjoni kienet oriġinarjament mogħtija lill-Vitals Global Healthcare qabel ma ġiet ittrasferita lil Steward Healthcare fl-2018.
//= $special ?>

