Il-Maġistrat tiddeċiedi li x-xandira tal-2022 ma kinitx tammonta għal reklamar illegali ta’ prattiċi ta’ konverżjoni u ma tistax tiġi ġġudikata skont l-emendi tal-2023 fil-liġi.
F’sentenza mogħtija nhar l-Erbgħa, il-Maġistrat Monica Vella sabet lil Matthew Grech ta’ 33 sena, Mario Camilleri ta’ 44 sena, u Rita Bonnici, ta’ 45 sena, mhux ħatja tal-akkużi kollha, u kkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova kemm l-att kriminali meħtieġ kif ukoll l-intenzjoni.
L-akkużi nħolqu minn intervista mxandra fis-6 ta’ April 2022 fuq il-pjattaforma PM News. Il-programm ġie mxandar dirett fuq Facebook u aktar tard ittella’ fuq YouTube u fuq is-sit ta’ PM News.
Matul ix-xandira, Grech, residenti Ħ’Attard u Segretarju Ġenerali tal-partit politiku ABBA, iddeskriva lilu nnifsu bħala “ex-gay” u tkellem dwar it-tranżizzjoni tiegħu minn dak li sejjaħ stil ta’ ħajja omosesswali għal wieħed eterosesswali wara konverżjoni spiritwali fl-età ta’ 19-il sena. Camilleri, mis-Siġġiewi, u Bonnici, minn Ħal Qormi, kienu l-preżentaturi tal-programm.
Il-proċeduri poprju bdew wara żewġ rapporti separati li tressqu f’Mejju tal-2022.
Matul il-proċeduri, il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-ilmentaturi u tal-akkużati. Silvan Agius, deskritt fil-Qorti bħala professjonist fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li kkontribwixxa għall-Kap. 567 tal-Liġijiet ta’ Malta – l-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru u l-Espressjoni tal-Ġeneru – xehed li x-xandira kienet tikkostitwixxi reat għax implikat li l-identità LGBTIQ kienet “marda” li teħtieġ kura.
Hu sostna li Grech ma deherx fuq il-programm biss biex jirrakkonta storja personali, iżda bħala rappreżentant tal-IFTCC u tal-ABBA, u kien qed jippromwovi kontenut relatat ma’ prattiċi pprojbiti mil-liġi.
Bonnici u Camilleri xehdu li l-intenzjoni tagħhom kienet li jipprovdu pjattaforma għal-libertà tal-espressjoni.
Bonnici qalet lill-Qorti li kienet bagħtet messaġġi fuq Facebook lil membri tal-komunità LGBTIQ biex jistedinhom jipparteċipaw fid-diskussjoni sabiex ikun hemm bilanċ, iżda ma rċeviet l-ebda tweġiba.
Camilleri qal li kien sfida lil Grech waqt il-programm, u staqsieh jekk it-terapija li ddeskriva kinitx tammonta għal soppressjoni.
Matthew Grech qal lill-Qorti li l-vjaġġ tiegħu kien “spiritwali, mhux mediku”. Stqarr li, bħala Nisrani, jemmen li l-omosesswalità hija dnub u li l-Vanġelu jgħallem ir-restrizzjoni ta’ ċerti xewqat. Qal li jikkundanna metodi ta’ avversjoni u japprova biss dak li sejjaħ talk therapy.
Michael Robert Davidson, president tal-IFTCC, xehed bħala espert. Qal li Grech ma kienx rappreżentant ta’ terapija ta’ konverżjoni, iżda kien apprezzat mill-organizzazzjoni għall-ħiliet tiegħu fil-komunikazzjoni u x-xhieda personali tiegħu. Davidson għamel distinzjoni bejn prattiċi koerċittivi, li sejħilhom “terapija ħażina”, u dak li sejjaħ terapija esploratorja responsabbli li tirrispetta l-awtonomija individwali.
Il-Qorti indirizzat id-definizzjoni ta’ “reklamar” skont il-Kapitolu 567. Il-Maġistrat Vella nnutat li definizzjoni speċifika ta’ reklamar ġiet introdotta permezz tal-Att XIII tal-2023, kważi sena wara x-xandira ta’ April 2022.
L-applikazzjoni retroattiva ta’ dik id-definizzjoni għal imġiba li seħħet qabel l-emenda kienet tikser il-prinċipju li liġijiet kriminali ma jistgħux jiġu applikati għad-detriment tal-akkużat wara l-fatt, sostniet il-Qorti.
Il-Maġistrat indirizzat ukoll il-portata tal-espressjoni reliġjuża. Fis-sentenza, qalet li individwi f’Malta għandhom id-dritt jitkellmu u jippromwovu t-twemmin reliġjuż tagħhom, kemm jekk ateu, Kattoliku, Nisrani, Buddist, Musulman jew Ortodoss.
Qabblet ix-xandira ma’ dibattiti pubbliċi fuq kwistjonijiet kontroversjali oħra, u nnutat li diskussjoni dwar suġġett ma tammontax fiha nnifisha għal kondotta kriminali. Il-Qorti ddeċidiet li l-att materjali meħtieġ għar-reat kien nieqes.
Il-Qorti sabet ukoll li ma kien hemm l-ebda prova ta’ intenzjoni. Ikkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx li s-servizzi msemmija fil-programm kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ prattiċi illegali skont il-liġi fis-seħħ dak iż-żmien.
Il-Maġistrat Vella qalet li interpretazzjoni li tippermetti l-prosekuzzjoni ta’ preżentaturi talli stiednu mistednin jitkellmu dwar esperjenzi personali ma tirriflettix l-ispirtu jew l-intenzjoni tal-leġiżlatur.
Għaldaqstant, Matthew Grech, Mario Camilleri u Rita Bonnici nstabu mhux ħatja u ġew meħlusa mill-akkużi kollha.
//= $special ?>

