Lokali

L-Arċipriet tal-Isla jinħatar President tal-Kunsill tal-Kappillani

Il-Kulleġġ tal-Kappillani tal-Arċidjoċesi ta’ Malta ħatar Kunsill ġdid tal-Kappillani għas-snin 2026-2028 u se jkun magħmul minn tmien kappillani.

Fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani, l-Isqfijiet ta’ Malta awguraw lill-membri l-ġodda sabiex il-ħidma tagħhom tħalli l-frott mixtieq fil-parroċċi u fil-Knisja f’Malta.

Il-membri tal-Kunsill huma: il-President Dun Robin Camilleri, l-Arċipriet tal-Isla; il-Viċi President Dun Evan Caruana, il-Kappillan ta’ Santa Marija f’Birkirkara; is-Segretarju tal-Kunsill Dun Martin Cardona, il-Kappillan ta’ Ħal Kirkop; is-Segretarju tal-Kulleġġ Dun Sean Abela, il-Kappillan tal-Imġarr u l-Kaxxier Dun Joshua Cortis, il-Kappillan tal-Balluta. Patri Christian Borg, Kappillan ta’ Burmarrad, se jkun responsabbli
mill-Ispiritwalità; Dun Mario Mangion, l-Arċipriet ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, mill-Benesseri tal-Kappillani; u Dun Anton D’Amato, il-Kappillan ta’ Ħal Għaxaq, mill-PR u r-Riżorsi.

L-għan tal-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani huwa li jkun ta’ għajnuna għall-Arċisqof u għall-kappillani kollha fil-ħidma pastorali tagħhom fil-parroċċi, kif ukoll jieħu ħsieb il-laqgħat tal-Kulleġġ tal-Kappillani. L-irwol tal-Kunsill hu wkoll li jgħin fl-implimentazzjoni tal-viżjoni u l-policies tal-Arċidjoċesi fost il-kappillani f’Malta.