Numru ta’ żgħażagħ li applikaw għall-iskema tal-gvern li toffri €25,000 lil min iċedi l-liċenzja tas-sewqan qalu li fil-fatt qatt ma kienu qed jużawha biex isuqu, fatt li jqajjem dubji dwar kemm l-iskema hija effettiva biex tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku. L-iskema, imnedija mill-gvern biex potenzjalment tnaqqas in-numru ta’ karozzi fit-toroq . Din l-iskema suppost kellha kellha sservi biex jitnaqqsu l-karozzi mit-toroq u hija applikabbli liż-żgħażagħ sa 30 sena.
Il-gazzetta The Malta Independent tkellem ma’ tliet individwi li applikaw għall-iskema. Wħada qalet li applikat għax minkejja li għandha liċenzja, qatt ma kienet tużaha. Hija biegħet il-karozza tagħha erba’ snin ilu u bħalissa tiddependi fuq il-karozzi tal-linja u t-taxis biex iddur. Qalet li l-ammont kbir ta’ traffiku, il-problemi tal-parkeġġ u l-ispejjeż biex tinżamm karozza ma baqgħux jagħmlu sens għaliha.
Skont hi, kienet użat il-karozza tagħha darba biss biex tmur l-università u minn dakinhar qatt ma reġgħet saqet.
Hi żiedet tgħid li l-€25,000 mhux biss jikkumpensawha għall-flus li nefqet fuq il-lezzjonijiet tas-sewqan, iżda jistgħu jservu wkoll bħala depożitu għal proprjetà, u għalhekk dehrilha loġiku li ċċedi liċenzja li xorta waħda ma kinitx qed tuża.
Individwu ieħor, qal li applika għall-iskema għax m’għandu l-ebda interess li jkollu karozza u ma jridx jikkontribwixxi għall-problema tat-traffiku. Huwa qal li qatt ma saq minn meta kiseb il-liċenzja tiegħu. Meta mistoqsi jekk kienx se jibda jsuq wara li jgħaddu l-ħames snin tal-iskema, qal li dan jiddependi jekk ikunx hemm bżonn u jekk ikunux jeżistu alternattivi tajbin.
Persuna oħra, qalet li minkejja li għandha liċenzja, rari ssuq u għalhekk ħasbet li tkun idea tajba li ċċediha u tirċievi kumpens. Qalet li bħalissa ssuq forsi darba kull tliet xhur, jew anke inqas, u li lanqas ma saqet mill-aħħar tas-sena li għaddiet.
Meta l-iskema tħabbret għall-ewwel darba f’Marzu 2025, il-pjan oriġinali kien li l-flus jingħataw lil dawk li għandhom liċenzja, għandhom karozza u ilhom isuqu f’Malta għal mill-inqas seba’ snin, irrispettivament mill-età. Madankollu, meta l-iskema ġiet introdotta uffiċjalment f’Jannar li għadda, il-kriterji tal-eliġibbiltà nbidlu biex jinkludu persuni ta’ 30 sena jew inqas li ilhom għandhom liċenzja għal mill-inqas 12-il xahar u li ilhom residenti f’Malta għal mill-inqas seba’ snin. Importanti wkoll li wieħed ma għandux għalfejn ikun sid ta’ karozza biex jipparteċipa.
F’mistoqsija parlamentari mid-deputat Bernice Bonello, il-Ministru tat-Trasport Chris Bonett ikkonferma li l-applikazzjonijiet s’issa jammontaw għal aktar minn 50% tal-fondi allokati għall-iskema.
Għalkemm il-gvern ippreżenta l-inizjattiva bħala miżura kuraġġuża biex tindirizza l-konġestjoni tat-traffiku, l-informazzjoni dwar il-profili ta’ diversi applikanti tissuġġerixxi li l-iskema tista’ ma tkunx qed tiffoka fuq dawk li fil-fatt qed jikkontribwixxu għall-problema. Jekk parti sinifikanti mill-benefiċjarji kienu diġà ma jsuqux, hemm riskju li l-inizjattiva ssir aktar benefiċċju finanzjarju għal individwi li xorta ma kellhomx intenzjoni jsuqu milli għodda effettiva biex jitnaqqas it-traffiku.
Dikjarazzjoni maħruġa x-xahar li għadda mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika uriet li fl-aħħar kwart tal-2025 in-numru ta’ vetturi bil-liċenzja żdied b’3,265. Matul dak il-perjodu, l-istokk ta’ vetturi bil-liċenzja żdied b’rata netta medja ta’ 35 vettura kuljum.
//= $special ?>

