Lokali

Maratona nhar il-Ħadd: “Nibqgħu noffru servizz ta’ kwalità”

“L-involviment tagħkom f’din il-maratona se jkompli jgħin lill-Partit Nazzjonalista biex ikompli jinvesti f’riżorsi ħalli jwassal il-messaġġ tiegħu fl-aqwa forma possibbli.”

Kien dan l-appell importanti li għamel il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione meta f’intervista li saritlu waqt il-programm NETLIVE, ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex ikun ġeneruż u jikkontribwixxi għall-maratona li se tkun qed tittella’ nhar il-Ħadd li ġej – bit-tema ‘Malta ‘l Quddiem.’

Alex Perici Calascione tenna li l-maratoni huma importanti dejjem; iżda f’dawk il-maratoni li jsiru fi żmien meta tkun qed toqrob elezzjoni ġenerali l-appell ikun ferm iżjed importanti. Dan hekk kif mal-isfidi ta’ kuljum, tkompli tiżdied ir-responsabbiltà biex il-Partit Nazzjonalista, jaġixxi għall-ħtiġjiet tal-poplu kollu.

Fakkar kif bħala l-aktar stazzjoni segwit, NET Television għandu d-dmir li jkompli jgħolli l-livell u joffri servizz tal-ogħla kwalià għas-segwaċi kollha.

Hu qal ukoll li bl-appoġġ tal-poplu kollu, il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu.

Il-maratona ġbir ta’ fondi se ssir nhar il-Ħadd li ġej u se tibda għall-ħabta tat-3:00 ta’ waranofsinhar – b’xandira diretta fuq Net Television kif ukoll fuq Net FM.