L-emozzjonijiet fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali, il-bieraħ filgħaxija kienu kbar hekk kif tnejn mir-rivali ta’ kull żmien, Ħamrun Spartans u Valletta affrontaw lil xulxin fil-Kwarti tal-Finali tal-Meridianbet FA Trophy. Il-partita kellha tmur għall-ħin barrani u t-tmiem kien wieħed drammatiku hekk kif bl-iskor 2-1 favur Valletta, fil-ħin miżjud mir-referee tal-logħba, Ħamrun Spartans appellaw għall-penalty li r-referee ma saffarx, u mill-istess azzjoni, Valletta ħarbu b’kontra-attakk, u Brandon Paiber skorja l-gowl tat-3-1 li ta u aċċerta mir-rebħa Beltija.
Rebħa sinifikanti għal Valletta, fl-ewwel staġun tagħhom wara li rritornaw fil-Malta Premier, għaliex wara li diġa’ rebħu l-Jubilee Cup f’Diċembru li għadda, l-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Thane Micallef għadha b’ċans li tirbaħ kemm il-Malta Premier (speċjalment bil-format kif inhu) u anke l-FA Trophy.
Fis-semi-finali tal-FA Trophy, Valletta se jilgħabu kontra Birkirkara. Iżda fl-isfond ta’ dan kollu u l-antagoniżmu tal-partitarji preżenti, kien hemm mument partikolari fil-logħba li ftit innutaw fejn ir-rivalitá u l-klima sħuna tal-logħba fil-ħin barrani malajr intesa, u li mhux kulħadd induna biħ.
Fil-ħin barrani, meta l-iskor kien għadu 1-1, fit-tieni taqsima tal-ħin barrani, Thomas Melillo ta’ Valletta u Matias Nicolas Garcia ta’ Ħamrun Spartans, dehru jgħolew għall-ballun f’nofs ta’ grawnd. It-tnejn ħabtu f’xulxin u niżlu mal-art. Il-waqa’ ta’ Garcia dehret mal-ewwel li kienet waħda ta’ tħassib, hekk kif il-plejer intilef minn sensiħ. Mhux kulħadd induna bil-gravitá tas-sitwazzjoni, pero d-difensur ta’ Valletta, Sava Radic induna mill-bogħod x’ġara u deher jieħu ġirja waħda lejn nofs il-grawnd, mar fuq il-plejer avversarju, u daħħal idejħ f’ħalqu biex iżommlu llsinu.
Kien mumemt ta’ ħajja jew mewt għaliex f’dak il-ħin il-plejer ta’ Ħamrun Spartans, li għandu nazzjonalitá Maltija, seta’ jibla’ ilsienu. L-intervent ta’ Radic kien deċiżiv, hekk kif it-tim mediku kemm ta’ Ħamrun Spartans u Valletta dehru jidħlu b’ġirja waħda fil-pitch, iżda dak li laħaq għamel Radic kien fil-ħin għaliex ir-reazzjoni ta’ Garcia li kien mitluf minn sensiħ għal mument kien li ġidimlu subgħajħ; sintendi mhux b’intenzjoni iżda b’reazzjoni li kien qed jiġi f’sensiħ.
Ritratt tal-fotografu ta’ Net News, Joseph Galea juri propju dan il-mument, li ħaqqu kull tip ta’ tifħir u rikkonoxximent għaliex juri kif il-futbol, anke f’mument ta’ tensjoni, jista’ jgħaqqad u mhux jifred.
Filmati juru li f’dak il-mument, ħadu kontrol tas-sitwazzjoni t-tobba taż-żewġ timijjiet rispettivi, u Radic deher jimxi lejn it-touch line, iżomm idejħ bil-ġidma tal-plejer.
Dik il-ġidma pero kienet kollox, kienet il-ġidma li possibilment salvat ħajjet Garcia.
Dawn huma l-mumenti li fihom wieħed jinsa’ r-rivalitá u jara s-sabiħ tal-futbol fejn fil-mumenti kritiċi ninsew ir-riżultat, ir-rivalitá u kull antagoniżmu, u l-prijoritá tkun il-ħajja tal-bniedem.
Prosit tassew lil Radic u lil kull min kien involut f’dan il-mument li seta’ kellu riperkussjonijiet koroħ.
//= $special ?>

