Opinjoni

Opinjoni: Ġimgħa għall-Ġustizzja Soċjali

Il-vulnerabbli, l-emarġinati, il-bżonnjużi hemm qegħdin, u kostantement jeħtieġu l-appoġġ mogħti b’ġustizzja soċjali

Mark A. Sammut Sassi

Kull sena ormaj għandna appuntament ma’ sensiela ta’ attivitajiet organizzati mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo u t-tim tiegħu dwar il-ġustizzja soċjali.
Dis-sena, dal-attivitajiet reġgħu saru, fuq medda ta’ ġimgħa, u laħqu l-quċċata tagħhom f’ċerimonja ta’ għoti ta’ rikonoxximent lil erbgħa – bejn individwi u organizzazzjonijiet – taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika.
Din il-ġimgħa ddedikata lill-ġustizzja soċjali organizzata minn Ivan Bartolo fiha, fil-fehma tiegħi, żewġ sinifikati importanti.

Rikonoxximent u vuċi
L-ewwel sinifikat hu r-rikonoxximent u l-vuċi li jagħti Ivan Bartolo lil dawk li jgħinu lill-proxxmu billi jwettqu fil-prattika l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali.
Ħafna drabi, biex ma ngħidx dejjem, jiġri li dawn il-persuni jkunu attivi mhux biex jieħdu rikonoxximent imma biex isegwu sejħa ġewwiena. Minn dik is-sejħa jimpurtahom – uħud minnhom minħabba fil-fidi reliġjuża tagħhom, oħrajn minħabba fl-esperjenzi tagħhom fil-ħajja, oħrajn għax trabbew f’dat-tip ta’ mentalità, u oħrajn għal raġunijiet oħra, bħal, ngħidu aħna, li jħossu sens ta’ paċi u lħiq ta’ skop meta jgħinu lil min hu fil-bżonn. Żgur, nemmen, li ħadd minnhom ma jidħol għas-sagrifiċċji u l-iskariġġ biex jingħata premju.
B’dana kollu, l-għoti tal-premju jsaħħaħ il-volontà ta’ dawn in-nies, u anki jagħtihom għamla ta’ tgħanniqa metaforika li ssaħħnilhom qlubhom imkessħin mill-indifferenza u xi minn daqqiet mill-kefrija tad-dinja.
Filfatt, hekk narahom ir-rikonoxximenti li ta Ivan Bartolo ftit tal-jiem ilu: għamla ta’ kutra u kikkra kafè sħun lil dawk li jkunu għaddejjin iħabbtu wiċċhom mar-rjieħ inġazzati u l-ksieħ tal-umanità. Jien miniex wieħed minn dawk li jemmnu li l-bnedmin jitwieldu twajba u tikkorrompihom id-dinja.
Jien nemmen li l-bniedem jitwieled egoist u hu bi sforz u ħidma kbar biss jirnexxielu jinża’ l-libsa tal-egoiżmu biex minflokha jilbes dik tal-imħabba lejn il-proxxmu. Xi kultant dik it-tieni libsa mhix sħuna biżżejjed għall-kesħa tad-dinja. Ivan Bartolo, b’dal-attivitajiet favur il-ġustizzja soċjali, ileff lil dan-nies f’kutra ħoxna u jagħtihom tgħanniqa, għan-nom tagħna lkoll, biex iroddilhom il-ħajr u jqawwilhom qlubhom ħa jissoktaw.
Għax il-battalja għall-ġustizzja soċjali hi waħda li ma taqta’ qatt. Il-vulnerabbli, l-emarġinati, il-bżonnjużi hemm qegħdin, u kostantement jeħtieġu l-appoġġ mogħti b’ġustizzja soċjali. Kien hemm żmien – f’imgħoddi ormaj imbiegħed – meta dal-appoġġ kien jingħata b’sens ta’ karità Nisranija mill-Knisja u l-apparati tagħha.
Fir-Rivoluzzjoni Franċiża, ir-rivoluzzjonarji ħasbu li dal-appoġġ jista’ jingħata mill-Istat… imbagħad sabu li ma hemmx biżżejjed flus, u li l-Knisja kien jirnexxielha tagħmlu għax hemm l-element tal-fidi: il-fidi tieħu post il-flus, għax il-ħlas isir fil-ħajja li jmiss.
Għalhekk il-battalja għall-ġustizzja soċjali hi waħda li l-eżitu tagħha hu fraġli. Hu faċli ħafna li tintilef u li l-foqra u l-batuti – kif qalet il-President ta’ Malta waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tar-rikonoxximenti – jaqgħu mix-xibka ta’ protezzjoni soċjali u jsibu ruħhom fil-baħħ.
Faċli immens, għax l-Istat, f’saħħtu kemm hu f’saħħtu, mhux dejjem għandu għajnejh u widnejh kullimkien. Il-voluntiera u dawk li jgħinu lill-batut bħala professjoni għalhekk huma indispensabbli – mhux biss għax jgħinu imma wkoll għax jiskandaljaw il-pajsaġġ soċjali biex jindividwaw lil dawk fil-bżonn.
Il-battalja hi fraġli wkoll appuntu minħabba fl-egoiżmu. Għax jien inkun għaddej tajjeb ma jkunx jimpurtani minn dawk li qed iħabbtu wiċċhom mal-ħalel tal-faqar u tal-emarġinazzjoni.
Darba lil Ivan għedthielu din; għedtlu, “Int qed tagħmel ġid kbir għax ħafna nies ma jimpurtahomx. Għaliex għandu dak li jkun iħabbel moħħu mill-iżvinturi tal-batut?” U Ivan tbissimli għax – iddeduċejt jien – dik hi l-battalja li hu u dawk kollha li bħalu fihom hemm qalb tħabbat favur il-batut iħabbtu wiċċhom kontinwament magħha: l-egoiżmu.

Taħt dal-Gvern
It-tieni sinifikat ta’ dal-attivitajiet li jorganizzaw Ivan Bartolo u t-tim tiegħu ġej mill-fatt li kellu jkun deputat tal-Oppożizzjoni li jitfa’ tant dawl fuq dawk l-irkejjen mudlama tas-soċjetà li mhux dejjem ikunu rridu nafu bihom.
Dan meta fil-poter hemm Gvern li suppost hu Soċjalista, imma fil-verità lill-ħaddiema, liż-żgħir, lill-batuti, warrabhom mill-viżjoni tiegħu, li minflok xeħetha fuq ir-“Raba’ Sular”. Lill-ħaddiema u lill-oħrajn dal-Gvern iwaddbilhom iċ-ċejċa… għax ma humiex parti mill-viżjoni tiegħu imma fl-istess waqt huma dawk li jżommuh fil-poter.
Ivan Bartolo jwassal il-messaġġ illi n-Nazzjonalisti jimpurtahom miż-żgħir u mill-batut. Mhux għax huma soċjalisti, inżid jien, imma għax immexxijin mill-prinċipji tad-Demokrazija Kristjana: il-beatitudnijiet ipproklamati minn Ġesù. Fil-fehma tiegħi, huma mħabbrin l-aħjar fil-Vanġelu ta’ Luqa fejn jingħad li Ġesù qal li beati huma l-foqra għax tagħhom hi s-Saltna t’Alla.
Is-Soċjaliżmu ried ikun il-politika tal-beatitudnijiet sekolari u statali, li tieħu post il-karità Nisranija tal-beatitudnijiet tal-fidi u tal-Knisja. Id-dibattitu hu wieħed antik, u mhemmx għalfejn nidħlu fih hawnhekk – ukoll għax l-Istati ntebħu li mingħajr il-voluntieri, l-Istat waħdu ma jasalx. Mhemmx flus biżżejjed u d-distribuzzjoni ekwa tal-ġid trid il-valuri reliġjużi biex jintlaħaq.
Minflok, politika ispirata mill-prinċipji Nsara tista’ tilħaq dal-iskopijiet b’mod aktar ġust.
Il-lum li ili s-snin insegwi l-attività politika ta’ Ivan Bartolo, nasal biex ngħid li hu uniku fil-pajsaġġ politiku Malti minħabba fl-intensità li biha jikkomunika l-importanza li jagħti lill-ġustizzja soċjali. Naf li mhux biss jikkomunikaha imma wkoll, ħafna drabi minn wara l-kwinti, jaħdem biex jgħin lil min hu fil-bżonn.
Jibqa’ l-fatt inkontestabbli li l-ħidma hi kotrana u d-dirgħajn ftit. Ir-rikonoxximenti li kull sena jagħti Ivan Bartolo jservu wkoll biex jinkoraġġixxu aktar dirgħajn jingħaqdu f’dil-ħidma favur il-bżonnjużi.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 5 ta’ Marzu, 2026.