Opinjoni

Opinjoni: It’s not peace for our time

L-attakk militari tal-Istati Uniti u Iżrael fuq l-Iran jidher li fetaħ kunflitt li jmur ferm lil hinn mill-fruntiera tal-Iran. (Ritratt: EPA)
Il-gwerra dejjem iġġib magħha sofferenza fiżika u materjali għal dawk li jkunu f’nofs il-kunflitt u ġġib magħha sofferenza ekonomika għall-bqija tad-dinja

Angelo Micallef

L-attenzjoni tad-dinja minn nhar is-Sibt li għaddha lil hawn bla dubju ta’ xejn kienet fuq dak li qed iseħħ fl-Iran u fil-Lvant Nofsani. L-attakk militari tal-Istati Uniti u Iżrael fuq l-Iran jidher li fetaħ kunflitt li jmur ferm lil hinn mill-fruntiera tal-Iran.
Fl-aħħar jiem rajna attakki fl-Emirati Għarab Maqgħuda, fl-Arabja Sawdita, fil-Kuwajt, fil-Qatar u saħansitra anki f’Ċipru. Rajna ġlied mill-ġdid bejn Iżrael u l-Ħeżbollah fil-Libanu b’azzjonijiet militari minn Iżrael fil-Libanu.
Fid-dinja ma hemm l-ebda gwerra li ma ġġibx magħha sofferenza għall-innoċenti, u meta ngħid innoċenti mhux ngħid għal xi naħa jew oħra imma għall-innoċenti fuq iż-żewġ naħat tal-munita.
Il-gwerra dejjem iġġib magħha sofferenza fiżika u materjali għal dawk li jkunu f’nofs il-kunflitt u ġġib magħha sofferenza ekonomika għall-bqija tad-dinja, speċjalment meta tali gwerra tibda timpatta affarijiet importanti bħall-prezz tal-gass u taż-żejt u l-abbiltà li jsir il-kummerċ internazzjonali.
Għalhekk huwa impossibbli li wieħed jogħrok idejh bil-ferħ għall-aħbar li tkun bdiet xi gwerra. Għalhekk huwa impossibbli li wieħed ma jħossx diqa u diżappunt għall-aħbar li d-dinja tkun mill-ġdid qed tiġi mifnija bil-vjolenza minflok ma jkun hemm djalogu reċiproku.

Snin twal ta’ tensjoni
L-Iran ilu għal snin twal jippreżenta lilu nnifsu bħala thedida ċara fir-reġjun. Ilu għal snin twal b’reġim li jinfliġġi fuq in-nies tiegħu moħqrija u nuqqas ta’ rispett għal-libertajiet bażiċi.
Il-mexxej tiegħu Ali Khamenei kien ilu snin twal imexxi dittatura brutali li wasslet għat-tbatija u mewt ta’ tant eluf ta’ Iranjani innoċenti. L-Iran ilu snin bħal donnu bil-pulit jhedded pajjiżi oħra fir-reġjun. Ilu snin jaħdem kontra l-prospett ta’ ftehim ta’ paċi bejn Iżrael u l-Palestina, b’żewġ stati li jgħixu paċifikament ħdejn xulxin purament għax jippreferi jimbotta l-messaġġ tiegħu għall-qerda kompluta ta’ Iżrael.
Min-naħa l-oħra, it-tensjoni mal-Istati Uniti wkoll ilha tbaqbaq snin twal. Sa mill-ħtif tal-ambaxxata Amerikana f’Tehran lura fl-1979. Minn dakinhar sal-lum ma naqsu qatt il-vuċijiet fl-Istati Uniti li tkellmu dwar il-bżonn li l-Istati Uniti ‘tieħu passi’ fil-konfront tal-Iran.
Għalhekk filwaqt li dak li qed iseħħ huwa bla dubju ta’ xejn ta’ diqa u li jaħsad, mhux sorpriża. Huma l-kulminu ta’ snin twal ta’ tensjoni diplomatika li ilha tinbena u tinħema.
Ħa nkun ċar, id-dinja u r-reġjun tal-Lvant Nofsani jkunu aħjar, ferm aħjar, jekk fl-Iran ikun hemm gvern demokratiku, li jemmen fid-drittijiet tal-bniedem u li jagħraf u jirispetta d-dritt sovran ta’ kull poplu u nazzjon.
Id-dinja u r-reġjun ikunu ferm aħjar jekk flok it-teokrazija preżenti fl-Iran ikun hemm tmexxija aktar raġjonevoli. L-Iran u r-reġjun ikunu ferm u ferm aħjar jekk fit-tmexxija f’Tehran ikun hemm xi ħadd bħal Reza Pahlavi li wiegħed programm ta’ demokrazija u libertà għall-poplu Iranjan.
Ftit li xejn huma dawk li għandhom dubju dwar jekk id-dinja hix post aħjar mingħajr nies bħal Ali Khamenei. Ħafna huma dawk l-Iranjani li qegħdin jittamaw li xi darba pajjiżhom jirritorna għan-normalità.
Normalità li ilu mċaħħad minnha għal diċennji sħaħ

Tama li tinkiseb il-paċi
Il-mistoqsija hija jekk l-azzjonijiet militari preżenti hux l-aħjar mod kif wieħed jasal għal dak il-għan. Min-naħa hemm bla dubju ta’ xejn l-argument li l-Iran ilha wisq tkun ta’ theddida u bħal donnu ma kienet qed turi ebda rieda li tinbidel. Min-naħa l-oħra hemm l-argument li dawn l-azzjonijiet huma unilaterali u għalhekk kontra l-liġi internazzjonali.
Bla dubju ta’ xejn dan huwa dibattitu li se jkompli jisħon u jbaqbaq fil-jiem li ġejjin. Il-ħasra hija li filwaqt li jkun għaddej dan id-dibattitu se jkunu ħafna dawk li se jkomplu jbatu.
Wieħed jista’ biss jittama li llum qabel għada tinkiseb il-paċi fil-Lvant Nofsani, paċi ġusta ma’ kull poplu fejn kull poplu jgħix fil-paċi u s-sigurtà u fejn kull poplu jkollu l-libertà u l-ħelsien.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 5 ta’ Marzu, 2026.