Opinjoni

Opinjoni: Wied il-Għajn: Bejn identità u l-isfidi ta’ żmienna

Wied il-Għajn. Raħal li nibet minn żewġ ċentri storiċi aktar antiki u influwenti – Iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar

Andrew Agius
Kandidat PN
Tielet Distrett

Post li sa ftit deċennji ilu kien magħruf primarjament bħala komunità tas-sajjieda u t-torri imponenti mibni mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt bħala difiża għan-nofsinhar ta’ Malta – it-Torri ta’ San Tumas.
Imma Wied il-Għajn qatt ma kien biss raħal tas-sajd. Sa minn kmieni kellu dimensjoni ta’ rikreazzjoni u divertiment. Il-preżenza ta’ binjiet vernakulari ta’ valur arkitettoniku bħall-Villa Mondello u Villa Apap Bologna tibqa’ xhieda ta’ dan. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-lokalità bdiet tikber b’pass mgħaġġel.
Fl-1949 ġiet imwaqqfa bħala parroċċa, bil-bini tal-knisja ddedikata lil Sant’Anna, li għal snin twal iddominat il-panorama tal-bajja u saret simbolu ċentrali tal-immaġini Skalina. Għal ħafna minn dawk li trabbew f’dawn l-inħawi, Wied il-Għajn kien il-post tal-vaganzi tas-sajf, il-“villeġġatura” li tant kienet parti mill-kultura soċjali Maltija.
Fis-snin tmenin u disgħin Wied il-Għajn ra l-iżvilupp ta blokok ta’ appartamenti destinati għas-suq domestiku u barrani, b’mod partikolari minn ċittadini Britanniċi li għażlu lil Malta u speċjalment lil Wied il-Għajn bħala post għall-irtirar. Magħhom żdiedu żoni sħaħ ta djar għal familji ġodda, toroq ġodda u stabbilimenti bħal ċinema u ħotels żgħar li jgħaqdu il-lokal u l-madwar.
B’hekk il-popolazzjoni fissa fil-lokal żdiedet sewwa. Ix-xena tad-divertiment kienet dejjem vibranti u għal żmien ħadet xejra ta’ mekka ta’ divertiment, simili għal Paceville. Fażi li għaddiet imma ħalliet impatt fuq il-lokalita’u li minnha żviluppat kultura ta’ ristoranti u stabbilimenti aktar familjari, li bidlu t-ton tal-ħajja soċjali iżda żammew il-komponent kummerċjali bħala mutur ekonomiku tal-lokal.

L-Identità Skalina
Il-popolazzjoni ta’ Wied il-Għajn kibret b’mod sostanzjali, tant li llum tħabbatha ma’ dik tal-lokalitajiet li minnhom ħarġet oriġinarjament. Minn dan it-tkabbir twieldet identità ċara – dik tal-Iskalin. Hi identità dinamika ffurmata minn nies li ġew minn kull rokna ta’ Malta. Soċjetà li drat l-iżvilupp urban, li laqgħet barranin u adattat għal bidliet mgħaġġla, iżda li xorta rnexxielha toħloq sens ta’ appartenenza qawwi.
Dan jidher b’mod partikolari fil-festa ta’ Sant’Anna, għaqdiet sportivi u aktar. Jidher ukoll f’għadd ta’ għaqdiet ċivili u gruppi ta’ residenti li jinvolvu ruħhom b’mod attiv fid-diskussjoni pubblika. L-Iskalin għandhom għal qalbhom il-Wied il-Għajn u kull influwenza fuq il-karattru, il-format jew il-modalità tar-raħal tqanqal risposta qawwija.
Jifhmu li d-deċiżjonijiet li jittieħdu llum jaffettwaw direttament il-kwalità tal-ħajja ta’ komunità sħiħa għaż-żminijiet futuri u għaldaqstant jesiġu li tali deċiżjonijiet jittieħdu wara attenzjoni u diskussjoni adegwata.
Illum, madankollu, Wied il-Għajn huwa mera ċara ta’ dak li qed jiġri madwar Malta kollha: taħlita bejn passat u modernità, bejn żvilupp u preservazzjoni, bejn interess ekonomiku u kwalità tal-ħajja. Il-mistoqsija mhix jekk għandux ikun hemm bidla.
Il-bidla f’pajjiż dinamiku li qed jikber u jiżviluppa hi essenzjali. Il-mistoqsija hija x’tip ta’ bidla rridu.

Pressjoni fuq l-infrastruttura u s-soċjetà
Waħda mill-akbar sfidi attwali hija ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni. Il-mudell ekonomiku preżenti flimkien ma’ politika li ffaċilitat żvilupp urban intensiv f’żoni reżidenzjali, wasslu biex toroq ta’ djar tradizzjonali nbidlu fi blokok ta’ appartamenti.
Dan f’Wied il-Għajn seħħ b’mod partikolarment mgħaġġel u l-konsegwenzi huma tanġibbli – il-kriżi persistenti ta’ parkeġġ, nuqqas ta’ spazji miftuħa u żoni ħodor, pressjoni fuq l-infrastruttura, tensjoni bejn il-ġirien u traffiku ma jaqtax. Paradossalment, żdiedet is-solitudni f’ambjent aktar iffullat.
Wied il-Għajn kien storikament attrezzat jilqa’ żvilupp relatat mal-villeġġatura u t-turiżmu iżda l-intensità u r-ritmu tal-iżvilupp reċenti qabżu l-kapaċità strutturali u soċjali tal-lokalità. Il-komponent kummerċjali dejjem kien parti minn Wied il-Għajn. Ristoranti, ħwienet u servizzi jagħtu ħajja lill-promenade u joħolqu attività ekonomika sostanzjali. Madankollu, il-bilanċ huwa kruċjali. Meta l-interess kummerċjali jikber b’mod sproporzjonat u jibda jiddomina fuq l-interess residenzjali, ir-riżultat ikun tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja u fl-armonija soċjali. Il-lokalità għandha bżonn mudell ta’ żvilupp sostenibbli, fejn l-ekonomija u l-komunità jsaħħu lil xulxin, mhux jikkompetu bejniethom.
Il-promenade kien u għandu jibqa’ fulkru importanti ta’ Wied il-Għajn fejn il-komunita’ tinġabar, tirrilassa u tiddeverti, anki bħala wieħed mill-iktar spazji miftuħa importanti fiż-żona urbana tar-raħal.

Triq ’il quddiem

Il-poplu Skalin huwa b’saħħtu. Fih hemm diversità ta’ fehmiet politiċi u soċjali, iżda wkoll maturità biex id-differenzi jiġu diskussi b’rispett. Jekk irridu li Wied il-Għajn jibqa’ komunità magħquda, b’saħħitha u ekonomikament vibranti, irridu nipproteġu dak li jagħmilha unika: l-identità tagħha, in-nies tagħha u l-bilanċ delikat bejn żvilupp u kwalità tal-ħajja. F’dan il-kuntest, il-konsultazzjoni pubblika mhijiex formalità – hija mekkaniżmu essenzjali ta’ governanza tajba.
Proġetti kbar, bħal dawk relatati max-xatt ta’ Wied il-Għajn, għandhom ikunu suġġetti għal proċess serju ta’ djalogu u analiżi, li jinkludi lir-residenti u lill-esperti. Il-Partit Nazzjonalista kien minn ta’ quddiem biex ikun ta’ sostenn kemm għall-komunità kummerċjali u kemm għar-residenti. Sa reċentement, saru serje ta’ mistoqsijiet parlamentari minn naħa tal-Membri Parlamentari tagħna biex jinħareġ iktar dettal fuq l-għanijiet aħħarija tiegħu u biex nassiguraw li l-promenade jibqa’ dejjem għat-tgawdija tar-residenti Skalini u tal-poplu Malti u Għawdxi.
Biex isiru xogħlijiet li jipproteġu minn ħsarat bħal dawk li rajna reċentement fil-maltempata Harry. Biex kwalunkwe miżura li ser iżidu l-ammont ta’ turisti fir-raħal, bħal fast ferry, tkun ikkunsidrata fl-interità tagħha, inkluż l-effett fuq l-infrastruttura u l-popolazzjoni lokali. Irridu naspiraw għal turiżmu ta kwalità li ma jħallix impatt detrimentali fuq Wied il-Għajn. Biex anki l-aspett ambjentali ma jiġix traskurat, anzi l-kwalitajiet tal-bajja ta’ Wied il-Għajn jiġu protetti minn żvilupp eċċessiv li ma jirrispettax il-baħar u l-ambjent tal-madwar. B’din il-viżjoni ċara rridu nibnu fuq dak li diġà sar, iżda fl-istess ħin nindirizzaw b’serjetà l-isfidi li għandna quddiemna.
L-iżvilupp ma jistax ikun każwali jew bla direzzjoni; irid ikun ippjanat, sostenibbli u mmexxi mill-prinċipju tal-ġid komuni. Lokalità li tikber bla direzzjoni titlef il-karattru tagħha, titlef l-identità li tifforma lill-komunità u titlef il-kwalità tal-ħajja li tant naħdmu biex inħarsuha. Għalhekk, l-impenn tagħna hu li nfasslu mudell ta’ żvilupp li jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet. Irridu komunitajiet vibranti, siguri u inklussivi, fejn kull min jgħix fihom iħossu parti minn storja komuni u minn futur mibni b’responsabbiltà.
Il-futur tal-lokalitajiet tagħna jiddependi fuq deċiżjonijiet li nieħdu llum. B’viżjoni, kuraġġ u sens ta’ responsabbiltà kollettiva, nistgħu nassiguraw li l-iżvilupp ikun mezz ta’ titjib u mhux ta’ telf, u li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin isibu pajjiż aktar b’saħħtu, aktar ġust u aktar magħqud.
Il-Partit Nazzjonalista qed joffri tmexxija serja u viżjoni fit-tul biex dawn il-prinċipji ma jibqgħux biss kliem, iżda jsiru politika konkreta, permezz ukoll tal-prijoritajiet imfassla fil-Konvenzjoni Nazzjonali. Kburi li, f’dan ir-rigward, bħala kandidat ġdid Nazzjonalista fuq it-tielet distrett li minnu jagħmel parti Wied il-Għajn, qed inżomm kuntatt viċin mar-residenti, mal-ħaddiema u man-negozjanti tal-lokal, biex inkompli nwassal il-messaġġi tagħhom fuq il-mejda tad-diskussjoni. Partit Nazzjonalista fil-Gvern ikompli jassigura li l-komunitajiet kollha jkollhom vuċi b’saħħitha, siġġu mal-mejda tad-diskussjoni u rappreżentanza effettiva f’kull forum nazzjonali. B’hekk inkunu nistgħu naslu għal dak il-bilanċ tant importanti bejn żvilupp u preservazzjoni. B’hekk ħadd ma jaqa’ lura. B’hekk biss nistgħu nkomplu ngawdu dak li tant qed naħdmu għalih, flimkien ma’ wliedna u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1 ta’ Marzu, 2026.