Lokali

Raġel mixli bi frodi fuq 20,000 euro jinżamm arrestat wara li kien ilu sena mfittex mill-pulizija

Raġel ta’ 54 sena tressaq quddiem il-Qorti nhar il-Ħamis akkużat b’diversi reati ta’ frodi li allegatament ammontaw għal aktar minn 20,000 euro, f’każ li jinvolvi aktar minn għaxar vittmi.

Giuseppe Pasquale Alongi, mwieled il-Kanada, tressaq quddiem il-Qorti fuq sensiela ta’ akkużi ta’ qerq li bihom kiseb flus mingħand diversi persuni.

Skont l-atti tal-Qorti, l-imputat huwa mixli li uża ismijiet jew kwalifiki foloz u meżżi qarrieqa biex iqanqal fiduċja falza u jagħmel qligħ finanzjarju bi ħsara għal oħrajn. Il-prosekuzzjoni allegat li b’dan il-mod huwa kiseb somom li jaqbżu 5,000 euro minn diversi individwi, fejn ammontaw madwar 20,000 euro.

Hemm akar minn għaxar vittmi involuti.

Alongi ġie wkoll mixli b’appropjazzjoni indebita, wara li allegatament dawwar għaliħ flus li kienu ġew fdat lilu taħt obbligu li jirritnahom jew jużahom għal skop speċifiku.

Fil-qorti ħareġ ukoll li l-imputat kien ilu aktar minn sena mfittex mil-pulizija b’rabta mal-każ. Meta tressaq, Alongi ddikjara ruħu mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontriħ.

Wara li semgħet it-trattazzjonijiet tal-partijiet, il-Qorti irrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest.