Lokali

Tingħata l-ħelsien mill-arrest wara akkużi ta’ aggressjoni u ħsara fuq proprjeta f’Ħaż-Żabbar

Mara ta’ 29 sena minn Ħ’Attard ingħatat il-ħelsien mill-arrest wara li tressqet il-Qorti akkużata li aggredixxiet lill-eks sieħeb tagħha, hedditu u kkawżat ħsara lil proprjetà f’inċident li allegatament seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa f’Ħaż-Żabbar.

Il-mara ġiet mixlija b’rabta ma’ inċident li allegatament seħħ fit-2 ta’ Marzu f’residenza f’Ħaż-Żabbar. Skont il-prosekuzzjoni, hija kkawżat lill-vittma biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontrih, kontra l-proprjetà tiegħu jew kontra membri tal-familja tiegħu. L-allegat inċident jingħad li seħħ fil-preżenza tat-tifel tagħhom ta’ sitt snin.

Il-Qorti semgħet li l-koppja għandha tifel flimkien u li fil-passat kienu f’relazzjoni. Barra minn hekk, l-akkużata qed taffaċċja akkużi li deliberatament għamlet ħsara lill-proprjetà tal-vittma, fosthom bieb ta’ barra u tieqa, bil-qorti tiġi infurmata li nstab ukoll ħġieġ imkisser fl-art.

Il-prosekuzzjoni akkużat ukoll lill-mara li insulentat jew heddet lill-eks sieħeb tagħha b’mod li allegatament qabeż il-limiti tal-provokazzjoni. Min-naħa tad-difiża, il-validità tal-arrest ġiet ikkontestata, bl-avukati jsostnu li l-Pulizija ma kellhomx raġunijiet biżżejjed biex jarrestaw lill-akkużata.

Madankollu, il-qorti osservat li f’dan il-każ kien hemm mandat ta’ arrest validu.

Il-parte civile talab ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, sabiex l-akkużata ma tkunx tista’ tersaq lejh. Ġie propost ukoll li n-nanniet tal-minuri jkunu dawk li jikkomunikaw bejniethom dwar il-benesseri tat-tifel.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża biex l-akkużata tingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet. Fost dawn, hija trid tattendi għal kull seduta tal-qorti, tiddepożita l-karta tal-identità u l-passaport tagħha, tiffirma l-ktieb tal-pleġġ bejn is-6am u s-6pm, kif ukoll tagħmel depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000.

Il-każ kien presedut mill-Maġistrat Monica Vella.

L-avukati Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera dehru għad-difiża, filwaqt li l-avukat Lennox Vella rrappreżenta lill-allegat vittma