L-għarqa, ‘il hinn minn Malta, tat-tanker tar-Russja li kien mgħobbi b’kunsinna ta’ gass likwidifat qed tkun imfissra bħala attakk terroristiku mill-President tar-Russja, Vladimir Putin.
Il-bastiment inkwistjoni mifhum li kien qed iġorr kunsinna projbita mis-sanzjonijiet internazzjonali effettivi għar-Russja u meta numru ta’ analisti qalu li l-vapuri tal-hekk-imsejħa ‘Flotta Sigrieta’ tal-Kremlin jistgħu jkunu mira leġittima għal xi azzjoni militari f’sitwazzjoni fejn jinqabdu jisfidaw is-sanzjonijiet jew jiksru l-embargos.
It-tanker, bl-isem Arctic Metagaz, nhar it-Tlieta, sploda u għereq fl-ibħra bejn il-Libja u Malta — u bir-Russja qed takkuża lill-Ukrajna b’li sparat is-sea drones lejn dan il-vapur mill-kosta tal-Libja. Dan meta l-Ukreni għandhom bażi militari f’dak it-territorju Libjan speċifiku.
La l-Gvern tal-Ukrajna u lanqas is-servizzi tas-sigurtà tal-Istat ma kkummentaw dwar l-akkuża ta’ Putin.
Il-Libjani qalu li t-tanker kien qed iġorr mat-62,000 tunnellata ta’ LNG ( gass likwidifat) qabel l-isplużjoni fatali u qabel għereq meta kien xi 240 kilometru ‘il barra mill-port Libjan ta’ Sirte.
Il-Ministeru tat-Trasport Russu, issa, qal li kien hemm 30 Russu fuq l-Arctic Metagaz.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin, Byron Camilleri, sostna li dawn il-baħrin instabu kollha ‘qawwijin u sħaħ’ f’lifeboat waqt il-ħidma tas-salvataġġ li mexxew il-qawwiet armati ta’ Malta.
Madankollu, il-President Putin mifhum li qed isegwi b’attenzjoni l-iżviluppi sussegwenti wara li kien ikkwotat li ‘din ma kenitx okkażjoni unika’ – b’referenza għall-għarqa tat-tanker.
Dan waqt li l-Ministeru tat-Trasport Russu fisser l-għarqa bħala ‘azzjoni ta’ terroriżmu internazzjonali’ fost ir-referenzi infondati għall-Unjoni Ewropea bħala ‘kompliċi fl-aħħar azzjoni’.
Tinsisti li l-kunsinna kienet ‘permissibbli skont il-liġi’
Ir-Russja qed tiċħad li l-vapur kien qed jaqdi strateġija speċifika bil-ħsieb li l-Kremlin jiżgiċċa mis-sanzjonijiet. L-istqarrija minn Moska sostniet li l-Arctic Metagaz – li beda l-vjaġġ mill-port ta’ Murmansk – kien qed iġorr kunsinna ‘permissibbli’ skont il-liġijiet internazzjonali.
It-tanker, sadanittant, kellu jtemm il-vjaġġ f’Port Said, fl-Eġittu, u meta hu kunsidrat bħala ‘parti integrali mix-‘shadow fleet’ tar-Russja li hu suġġett għas-sanzjonijiet riġidi min-naħa tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Russja, għal dawn l-aħħar xhur, użat numru sinifikanti ta’ dawn il-vapuri biex tittrasporta ż-żejt u l-gass b’attentat biex tnaqqas l-impatt tas-sanzjonijiet internazzjonali fuqha….Sanzjonijiet li fost oħrajn qed jaffettwaw is-sorsi għall-finanzjament tal-gwerra li r-Russi qegħdin imexxu kontra l-Ukrajna.
Dan ix-‘shadow fleet’ tar-Russja, fil-parti kbira, hu magħmul mit-tankers antiki ta’ proprjetarji dubbjużi u li x’aktarx mgħandhomx assikurazzjoni.
Ir-Russja, sadanittant, baqgħet ma ressqitx il- provi biex tissostanzja l-akkuża li t-tanker spiċċa attakkat mis-sea drones tal-Ukrajna. Fl-istess ħin, is-sorsi fi Kiev infurmaw lill-media internazzjonali li ‘l-Ukrajna mhix se tikkummenta dwar is-sitwazzjoni tat-tanker fil-Mediterran’.
Fl-istess waqt, intant, id-data tal-Marine tracking kienet indikat li, fil-jum ta’ qabel l-għarqa, l-ekwipaġġ tat-tanker irrapporta li kien qed ibaħħar ftit ‘il hinn mill-kosta lejn ix-xlokk ta’ Malta.
//= $special ?>

