Sport Sport Ieħor

Tony Drago jaffaċċja lil John Higgins bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-100 sena snooker fin-Naxxar

Tony Drago flimkien ma' John Higgins (Ritratt ta' Josmar Muscat)
Tony Drago flimkien ma' John Higgins (Ritratt ta' Josmar Muscat)

Is-sede tas-Soċjetà Peace Band fin-Naxxar se jilqa’ żewġ ismijiet kbar fid-dinja tas-snooker meta l-leġġenda Maltija Tony Drago jiltaqa’ mal-erba’ darbiet Champion tad-dinja lis-Skoċċiż John Higgins.

L-avveniment qed jiġi organizzat biex jiġi mfakkar anniversarju importanti, mitt sena ta’ snooker fin-Naxxar. Din il-ċelebrazzjoni mistennija tattira numru sabiħ ta’ dilettanti tal-isport li se jkollhom l-opportunità jaraw żewġ plejers ta’ livell għoli jaqsmu l-mejda f’logħba mill-aktar interessanti.

John Higgins huwa wieħed mill-aktar plejers rispettati u magħrufa fix-xena internazzjonali tas-snooker, u f’Malta għandu ammont ta’ partitarji li jsegwuh. Il-preżenza tiegħu flimkien ma’ dik ta’ Tony Drago, li jibqa’ wieħed mill-ikbar ismijiet fl-istorja tas-snooker Malti, mistennija toħloq atmosfera speċjali u memorabbli għall-pubbliku preżenti.

Waqt l-konferenza stampa li nżamet fis-Sala Marija Bambina, tas-Sożjetà Peace, Higgins esprima s-sodisfazzjon tiegħu li reġa’ lura Malta, pajjiż li fih dejjem sab merħba sabiħa tul il-karriera tiegħu. Huwa qal li l-aħħar darba li lagħab hawn kienet madwar għoxrin sena ilu u li dejjem ħass pjaċir jilgħab quddiem il-partitarji Maltin.

Il-plejer Skoċċiż żied jgħid li meta Tony Drago stiednu biex jieħu sehem f’din il-logħba ta’ anniversarju importanti, bla ebda diffikulta’ aċċetta l-istedina mal-ewwel. Minkejja l-programm impenjattiv tas-snooker internazzjonali, li bħalissa jinkludi turnew kważi kull ġimgħa, Higgins qal li għamel dan il-pass b’rispett u l-ħbiberija kbira li għandhom bejniethom  dawn iż-żewġ leġġendi tal-logħba tal-isnooker.

Din se tkun lejla ta’ snooker fejn mistennija tkun waħda speċjali mhux biss għall-parteċipanti, iżda wkoll għal dawk kollha li jħobbu dan l-isport u li se jkollhom iċ-ċans jaraw żewġ leġġendi fl-azzjoni fuq l-istess mejda.