Fi programm televiżiv fl-aħħar jiem, il-Ministru Silvio Schembri ħareġ b’paragun tassew pwerili dwar l-overpopulation f’Malta, meta qabbel il-popolazzjoni ta’ Malta ma’ dik ta’ Helsinki u qal li dik ta’ Malta ma tistax titkejjel ma’ pajjiżi ġirien fl-Ewropa imma ma’ bliet.
Schembri semma l-eżempju tal-Finlandja fejn, qal, fil-belt kapitali Helsinki hemm-popolazzjoni li hi biss 1.5 darbiet aktar minn dik ta’ pajjiżna.
Skont rapport fil-media tal-PL, one.com, “il-Ministru tenna li l-Viżjoni Malta 2050 tikkunsidra dawn ir-realtajiet u toffri soluzzjonijiet konkreti biex pajjiżna jkun jista’ jkompli jiżviluppa”.
Dwar din l-assurdità, il-fact checker ta’ In-Nazzjon, tana din it-tweġiba:
Meta tqabbel Helsinki ma’ Malta tkun qed tqabbel belt kapitali ta’ pajjiż ma’ pajjiż sħiħ imma xorta waħda r-realtajiet jagħtu stampa li tmur ħafna lil hemm minn dak li qal il-Ministru Silvio Schembri.
Dawn huma xi fatti rilevanti dwar Helsinki u Malta:
POPOLAZZJONI
* Helsinki fiha 694,000 resident waqt li Malta għandha
574,250…jiġifieri Helsinki hi 1.2 aktar u mhux 1.5 aktar.
* Jekk tgħodd iz-zona metropolitana ta’ Helsinki, in-
numru jitla’ għal 1.5 miljun.
ID-DENSITÀ
* F’Malta hawn 1,700 persuna għal kull kilometru kwadru – waħda mill-aktar densitajiet għoljin fl-Ewropa.
* F’Helsinki hemm inqas minn 1,000 persuna kull kilometru
kwadru.
* F’Malta n-nies huma ħafna aktar imrassin f’xulxin waqt li f’Helsinki n-nies għandhom ħafna aktar spazju fejn jimirħu.
IZ-ZONA
* Helsinki hi ta’ madwar 715 kilometru kwadru – inkluż
ħafna spazji naturali.
* Malta kollha hi ta’ madwar 316 kilometru kwadru.
* Il-belt kapitali Finlandiża hi aktar mid-doppju akbar minn Malta kollha.
L-AMBJENT
* Helsinki: madwar 40% huma spazji ħodor u foresti, arja nadifa, trasport pubbliku effiċjenti (metro, trams, u mogħdijiet għaċ-ċiklisti).
* Malta: spazju aħdar limitat ħafna; żvilupp intensiv kważi bla rażan, problemi enormi tat-traffiku u tniġġis.
* B’mod ġenerali tidher id-differenza bejn ippjanar fit-tul u pressjoni kontinwa fuq art limitata.
Hemm ħafna aktar argumenti x’jistgħu jissemmew iżda dawn ta’ hawn fuq huma biżżejjed biex dak li qal Silvio Schembri jidher fil-pwerilita’ kollha tiegħu.
Il-paragun bejn Malta u Helsinki juri realtà ċarissima. Helsinki hi belt kbira f’pajjiż spazjuż u b’organizzazzjoni ġenerali robusta. Malta, għall-kuntrarju, hi stat żgħir u dens ħafna bi pressjoni kontinwa fuq l-ispazji u l-infrastruttura.
Dan juri li popolazzjoni mrassa kif inhi f’Malta QATT ma tista’ titqabbel ma’ pajjiż, u belt, fejn hemm spazji, ambjent u governanza superjuri għall-aħħar tant li Helsinki hi kunsidrata fost l-aqwa bliet Ewropej, u anke lil hinn.
Il-fatt li Silvio Schembri rabat l-argument tiegħu mal-mod kif VISION 2050 “tħares lejn ir-realtajiet u toffri soluzzjonijiet konkreti biex pajjiżna jkompli jiżviluppa”, iġiegħlek taħseb li allaħares din il-Viżjoni hi mibnija fuq dawn il-kriterji ta’ Schembri għaliex allura destinata li tfalli … u bil-kbir!
//= $special ?>

