Il-Qorti tgħid li Paolo Mercieca mhuwiex f’qagħda mentali li jifhem jew isegwi l-proċeduri; il-Maġistrat titlob lill-Gvern jikkunsidra emendi fil-liġi
Il-Qorti Kriminali ħassret il-ġuri kontra Paolo Mercieca, anzjan ta’ 94 sena mix-Xewkija li jinsab akkużat b’attentat ta’ qtil f’każ li jmur lura għall-2019, wara li ġie stabbilit li bħalissa mhuwiex mentalment kapaċi jifhem jew isegwi l-proċeduri kontrih.
F’digriet mogħti mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, il-Qorti kkunsidrat ix-xhieda tal-espert mediku Dr Edward Cherubino li spjega kif l-akkużat ibati minn forma ta’ dimensja li tikkawża problemi ta’ memorja qasira, diffikultajiet fis-smigħ u diżorjentazzjoni.
Skont l-espert, meta tkellem ma’ Mercieca dan ma kienx konxju biżżejjed tas-sitwazzjoni tiegħu u ma fehemx in-natura jew l-importanza tal-proċeduri legali. Huwa qal li minħabba dawn il-kundizzjonijiet l-imputat ma għandux il-kapaċità mentali biex jipproċessa jew iwieġeb għal mistoqsijiet relatati mal-każ.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti ddeċidiet li Mercieca mhuwiex f’pożizzjoni li jwieġeb għall-akkużi jew jgħaddi minn ġuri, u għalhekk il-ġuri li kellu jsir ġie kkanċellat. Il-proċeduri ġew differiti sine die, jiġifieri mingħajr data ġdida.
Fl-istess digriet, l-Imħallef Scerri Herrera appellat lill-Ministru għall-Ġustizzja biex jikkunsidra jekk hemmx bżonn li jsiru emendi fil-leġiżlazzjoni sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn persuna tkun meqjusa mentalment responsabbli fil-ħin tal-allegat reat iżda aktar tard ma tibqax kapaċi ssegwi l-proċeduri fil-Qorti.
Il-Qorti osservat li f’ċirkostanzi bħal dawn jista’ jinħoloq xenarju fejn imputat jibqa’ barra mill-istituzzjonijiet u jgawdi l-libertà tiegħu bħallikieku l-akkużi kontrih ma jeżistux, u għalhekk issuġġeriet li din il-lakuna fil-liġi għandha tiġi indirizzata.
Il-każ imur lura għall-2019 meta Mercieca tressaq il-Qorti b’rabta ma’ sparatura allegata waqt argument mal-ġar tiegħu dwar parkeġġ fi Triq is-Salib fix-Xewkija, Għawdex. Huwa kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi li fosthom kien hemm attentat ta’ qtil, li kkaġuna ġrieħi ħfief u pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja. L-akkużat kien ingħata l-libertà proviżorja.
Għal Mercieca qed jidhru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.
//= $special ?>

