Lokali

Il-Kunsilliera tal-PN fil-Belt Valletta jipproponu li l-Kunsill Lokali jirrikonoxxi lil Sava Radic

Il-Kunsilliera f’minoranza tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, qed jipproponu biex f’Jum il-Belt Valletta, li kull sena jkun iċċelebrat fit-28 ta’ Marzu, il-plejer ta’ Valletta FC, Sava Radic ikun mogħti rikonoxximent kif mistħoqq, wara li salva l-ħajja ta’ plejer avversarju.

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Kap tal-Minoranza tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Ylenia Montfort ħabret li b’mod konġunt mal-kollegi kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista, Roberta Bonello Felice u Vince Fabri qed kitbu lis-Segretarja tal-Kunsill Lokali u infurmaw lill-bqija tal-Kunsilliera f’maġġoranza, biex it-talba tagħhom tiġi kkonsidrata.

“L-isem ta’ dan il-plejer li jġorr l-arma tagħna (Valletta FC) għandu jkun fost dawk li jingħataw rikonoxximent għal dan il-ġest uman u sportiv waqt il-Kwarti Finali tal-FA Trophy. Ċertament dan ir-rikonoxximent ikun mistħoqq u jagħmlina kburin li plejers bħal Radic jagħmlu parti mill-iskwadra tagħna,” kitbet il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta, Montfort.

Fl-aħħar sigħat, il-ġest uman li għamel Radic fil-logħba bejn Valletta u Ħamrun Spartans kien imfaħħar minn kulħadd, inkluż mill-klabb avversarju, Ħamrun Spartans li l-bieraħ stess, kitbu ittra uffiċjali lil Valletta FC biex jirringrazzjaw lil Radic u lil dawk kollha involuti mill-klabb Belti, meta fit-tieni taqsima tal-ħin barrani, mill-Kwarti tal-Finali tal-Meridianbet FA Trophy, Matias Garcia ta’ Ħamrun Spartans deher jaqa’ wara li ħabat ma’ plejer ta’ Valletta.

Radic, li kien ‘il bogħod mill-azzjoni, induna li mal-waqgħa ta’ Garcia, il-plejer Ħamruniż ma kienx qed jiċċaqlaq. Id-difensur Serb, ġera ġirja għal nofs il-ground u f’temp ta’ ftit sekondi, daħħal idejħ f’ħalq il-plejer biex ma jiblax ilsienu. Kienu ftit sekondi kruċjali li grazzi għall-intervent ta’ Radic, qabel ma laħqu waslu t-tobba taż-żewġ timijiet rispettivi, reġgħu ġabu lill-plejer f’sensiħ.

Bl-intervent ta’ Radic, kienet evitatata traġedja umana, li setgħet twassal għal mewt ta’ plejer li għal ftit sekondi kien mitluf minn sensieħ u kull sekonda kienet tagħmel differenza.

It-talba li resqu l-Kunsilliera Nazzjonalisti fil-Belt Valletta, mal-ewwel ġabet reazzjoni pożittiva mill-partitarji Beltin iżda mhux biss minn kull min segwa dan l-att uman.