Ir-residenti ta’ Pembroke huma inkwetati ħafna dwar l-aħbar li se jinbnew kumplessi sportivi għal żewġ klabbs tal-football. Skont ir-rapporti fil-ġurnali, qalu r-residenti f’ittra lill-Kunsill, se jittieħdu numru ta’ artijiet qrib l-Australia Hall biex jintużaw għal dan il-proġett.
Huma qalu li l-indikazzjonijiet huma li l-artijiet jinsabu fl-iscrapyard tal-Pulizija, fil-parkeġġ tal-Protezzjoni Ċivili, u fil-kampanja ħdejn l-iskola primarja ta’ Santa Klara. Dan kollu qed isir mingħajr ebda konsultazzjoni mar-residenti u dawk li jsibu l-mistrieħ tagħhom fil-kampanja pubblika ta’ Pembroke.
Ir-residenti qalu li issa saru d-“dumping ground” ta’ proġetti kbar u insostenibbli. Esprimew il-fehma li ma jaqblu xejn ma’ dawn il-binjiet ġodda li fissru li se jkomplu jnaqqsu l-kwalità tal-ħajja u l-ambjent naturali u urban tal-lokalità.
Spjegaw li f’Pembroke ġa hemm kumplessi tal-futbol, minbarra numru kbir ta’ skejjel u istituti edukattivi oħrajn. Il-proġett propost qalu li se jżid mal-istorbju u l-ġenn li diġà jeżisti fl-akkwati u hu żvilupp bla bżonn u li se jkompli jżid il-konġestjoni tat-traffiku u t-tniġġis fil-qalba ta’ Pembroke fejn diġà hemm konċentrazzjoni ta’ karozzi, storbju u dħaħen minħabba l-iskejjel u kumplessi oħrajn.
Iddikjaraw li se tittieħed art fil-kampanja pubblika għal skopijiet privati li bl-ebda mod ma jaqdu l-ħtiġijiet tal-komunità li fissru diġà hija assedjata minn kull naħa.
Fl-ittra lis-Sindku Zammit u lill-membri tal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, ir-residenti qalu li la ġew ikkalkulati u wisq inqas ikkonsultati f’deċiżjoni oħra f’sensiela ta’ deċiżjonijiet li qed jittieħdu kontra l-interessi tar-residenti kollha ta’ Pembroke u ta’ dawk kollha li jżuruh biex jistrieħu fil-kampanja tiegħu. Qalu wkoll li proġett bħal dan se jibbenefika minn bidliet fil-policy dwar l-użu kummerċjali ta’ faċilitajiet sportivi f’art li fiha mhux suppost isir bini (ODZ).
Talbu li jkunu jafu jekk il-Kunsill Lokali kienx involut jew ikkonsultat f’dan il-proċess; il-Kunsill jikkundanna din id-deċiżjoni bla riservi fl-interess tar-residenti ta’ Pembroke; li fi kwalunkwe deċiżjoni li tolqot l-interess pubbliku tar-residenti l-Kunsill jikkonsulta b’mod sħiħ u trasparenti mar-residenti f’laqgħa pubblik; u li ssir ħidma flimkien kontra dan il-proġett bla bżonn.
//= $special ?>

