“Huwa importanti li nagħtu rikonoxximent qawwi lil dawk in-nisa li taw ħajjithom għal uliedhom flimkien man-nisa l-oħra li ħadmu għall-karriera.”
Dan kien il-messaġġ li wasslet Sarah Bajada waqt attivita li saret il-Ġimgħa filgħodu u li kienet organizzata mill-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti b’din l-attivita hija parti minn sensiela ta’ attivitajiet b’rabta ma’ Jum il-Mara.

Sarah Bajada qalet li tlaħħaq mal-ħajja impenjattiva tagħha għaliex meta hi kienet tifla ommha kienet ta’ ispirazzjoni kbira dan hekk kif ommha kienet ta’ sapport kbir ghaliha u għall-aħwa tagħha. Dan filwaqt li qalet li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, it-tifel tagħha dejjem baqa prijorita.
Apparti minn hekk, Sarah Bajada qalet minn meta Alex Borg ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista ħajjithom inbidlet ħafna iżda aktar minn qatt qabel saru jaraw kemm flimkien kollox huwa possibli.

Ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici aċċennat li se tkompli tkun il-vuċi għal dawk in-nisa li affaċċjaw sfidi kbar f’ħajjithom. Dan filwaqt li spjegat li fis-soċjeta tal-lum l-anzjani nisa għadhom qed jingħataw inqas pensjoni mill-irġiel jew saħansitra jiddependu kompletament fuq l-irġiel – xi ħaġa li għadha qed turi li hawn nuqqas ta’ ugwaljanza fil-ġeneru.
Minn naħa tagħha, il-mara tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mayanne Perici Calascione qalet li n-nisa mhux f’jum wieħed biss għandhom jiġu rikonoxxuti iżda għandhom jiġu rikonoxxuti kuljum. Hija spjegat li n-nisa jagħmlu ħafna xogħol li ma jidhirx.



