Knisja Lokali

Jappoġġjaw slavagwardi b’saħħithom għall-Green Paper dwar il-midja soċjali

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, jilqgħu l-opportunità li jikkontribwixxu għall-Green Paper tal-Gvern. Fid-dawl ta’ evidenza dejjem qed tikber dwar l-impatt tal-midja soċjali fuq il-benesseri u l-iżvilupp tat-tfal, jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti għal qafas nazzjonali b’saħħtu li jqiegħed lit-tfal fiċ-ċentru tiegħu.

Is-Segretarjat u l-Assoċjazzjoni jfaħħru l-enfasi qawwija tal-Green Paper fuq il-protezzjoni tal-minorenni mill-abbuż u minn kontenut ta’ ħsara, kif ukoll ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà kondiviża bejn il-familji, l-iskejjel u l-komunitajiet. Jilqgħu wkoll l-enfasi mogħtija lil-litteriżmu diġitali u l-allinjament mal-qafas nazzjonali u internazzjonali tad-drittijiet tat-tfal.

Huma jirrikonoxxu wkoll l-importanza ta’ qafas regolatorju aktar b’saħħtu bbażat fuq ir-riċerka, li jista’ jikkunsidra li jipposponi l-aċċess għal ċerti pjattaformi tal-midija soċjali, f’konformità ma’ mudelli regolatorji internazzjonali emerġenti, bħall-mudell li ddaħħal fl-Awstralja u dawk li qed jiġu kkunsidrati fi Spanja, Franza u d-Danimarka.

Fl-istess waqt, jenfasizzaw li r-regolamentazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed. L-iskejjel iridu jiġu appoġġjati mhux biss biex jinfurzaw miżuri ta’ salvagwardja iżda wkoll biex jedukaw u jiffurmaw liż-żgħażagħ sabiex jipparteċipaw b’mod kritiku, etiku u responsabbli fl-ispazji diġitali. Hemm bżonn ta’ aktar investiment fit-taħriġ tal-għalliema fil-qasam taċ-ċittadinanza diġitali, f’appoġġ  għall-benesseri mentali fl-iskejjel, u fi programmi strutturati ta’ formazzjoni għall-familji.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħarsien tat-tfal għandu jimxi id f’id mal-formazzjoni. L-edukazzjoni għandha tippromwovi libertà responsabbli, intelliġenza emozzjonali, dixxerniment morali u għarfien tal-potenzjal pożittiv tal-media diġitali, filwaqt li tindirizza wkoll sfidi marbuta mas-saħħa mentali, l-intelliġenza artifiċjali, il-verità u l-awtentiċità.

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja jibqgħu impenjati li jaħdmu bi spirtu ta’ kollaborazzjoni mal-awtoritajiet biex jiġi żgurat li l-politika nazzjonali tipproteġi lit-tfal filwaqt li ttihom is-setgħa biex jikbru bħala ċittadini diġitali responsabbli u etiċi.