Sean Mac Donald ta’ 33 sena mill-Mosta ngħata sentenza ta’ 12-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li hedded u weġġa’ ħafif raġel li kien jgħix fl-istess hostel miegħu.
Huwa nstab ħati instab ħati l-Ġimgħa filgħodu wara li wieġeb ħati għall-akkużi li tressqu kontrih quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
Il-każ seħħ fl-10 ta’ Frar meta nqalgħet ġlieda f’hostel f’Birkirkara fejn iż-żewġ irġiel kienu residenti. Il-vittma għamel rapport mal-Pulizija u qal li sofra xi ġrieħi ħfief f’sidru waqt l-inċident. Meta tkellmu mal-manager tal-post, dan ikkonferma l-verżjoni tal-vittma dwar dak li kien ġara.
Fil-Qorti, Mac Donald kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest relatati ma’ każ ieħor li għandu pendenti fil-Qorti.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo infurmat lill-imputat li dawn ir-reati jistgħu jwasslu għal piena ta’ ħabs. Madankollu, fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu, il-Qorti kkundannatu għal sentenza ta’ 12-il xahar priġunerija sospiżi għal perjodu ta’ 24 xahar. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ €500 mill-garanzija marbuta mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kelsey Bugeja u Christian Xuereb, filwaqt li Mac Donald kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Thomas Barbara.
//= $special ?>

