Lokali Saħħa

Kritika lejn il-propaganda tal-Viżjoni 2050 “waqt li l-pazjenti tal-kanċer qed jitkarrbu”

L-artiklu pubblikat fit-Times minn Lara Said huwa iebes – kitba li tħallik bla kliem – kitba li tiddeskrivi lill-Gvern ta’ Robert Abela bħala wieħed maqtugħ min-nies.

Fl-opinjoni li kitbet illum, Lara Said tinsisti li kemm ilu Robert Abela Prim Ministru, ftit li xejn inbidel għall-pazjenti tal-kanċer. U l-maġġoranza għadhom jittalbu għall-appoġġ finanzjarju.

Lara Said ikkumbattiet kanċer fid-demm, u għadha tieħu l-kura. Fit-Times, hi fissret kif bħalissa – waqt li l-Gvern qed jippreżenta Viżjoni li tixgħel – il-ħajjiet tan-nies qed jintfew bi tbatijiet. U waqt li Abela stqarr li jrid “pajjiż li joħlom”, il-pazjenti bil-kanċer qed joħolmu biss li għada tkun ġurnata aħjar mil-lum.

Fuq kollox, Said tinsisti li l-ħajja ta’ kull individwu m’għandiex tiddependi fuq il-karità. “Il-kanċer ma jistenniex. Il-kanċer joqtol”, kitbet Lara Said fit-Times.

Hi qalet li l-Maltin mhux slogans iridu, imma kura li toffri aċċess għal mediċini bla ħlas. “Il-kura għandha tkun dritt, mhux umiljazzjoni”.