Lokali

L-eks Ministru tal-Ambjent Stanley Zammit f’laqgħa mal-Kap tal-PN Alex Borg

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg laqa’ fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali lill-eks Ministru tal-Ambjent, it-tabib Stanley Zammit.

Politiku li kkontribwixxa ferm; kemm għal Partit Nazzjonalista u b’mod speċjali għall-pajjiż – b’riformi li wettaq fis-settur ambjentali fil-bidu tas-snin 90.

Stanley Zammit ikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba fl-1981 – u tela’ għall-ewwel darba bħala deputat Nazzjonalista fl-1992.

Fost riformi bżonnjużi li xpruna kien hemm fost l-oħrajn il-ħidma tiegħu fuq l-Att dwar il-Protezzjoni Ambjentali, u anke ristutturar u riformi fil-ġbir tal-iskart u trattament tad-draneġġ. Dan apparti it-tnedija tal-karattru ikoniku xummiemu, bit-tir li jintefa’ aktar dawl fuq l-ambjent ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-PN Alex Borg saħaq li nies bħal Stanley Zammit dejjem poġġew lil Maltin u l-Għawdxin l-ewwel – dan filwaqt li dejjem ħaseb fil-ġenerazzjonijiet futuri, f’kull implimentazzjoni li wettaq. U baqa’ tul il-karriera politika kollha jaħdem għall-ġid tan-nies.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ix-Shadow Ministers Eve Borg Bonello u Rebekah Borg.