Joe M. Zahra
Nhar il-Ħadd Malta tingħaqad mal-bqija tad-dinja biex tfakkar il-Jum Internazzjonali tan-Nisa. Jum li jien ngħid li għandna niċċelebrawh kuljum u mhux biss darba fis-sena!
Dan il-jum qed niċċelebrawh f’pajjiżna fi sfont ta’ numru dejjem iktar ta’ nisa jaħdmu, b’numru ikbar ta’ nisa fil-Parlament u b’numru ikbar ta’ nisa fl-Università u setturi ta’ edukazzjoni ogħla, u numru ikbar ta’ nisa f’karigi maniġerjali. Biss qed niċċelebrawh ukoll fl-isfont ta’ ċifri li għadhom kif ħarġu mill-eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea. Dawn juru li Malta għandha l-ikbar differenza fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa (+40.3%) u l-ikbar numru ta’ nisa ta’ ’l fuq minn 65 sena fir-riskju tal-faqar.
Splużjoni ta’ impjiegi għan-nisa
Skont analiżi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta mill-2014 ’l hawn kien hemm splużjoni ta’ impjiegi tan-nisa f’Malta fl-etajiet bejn il-25 u l-49 sena. Din kienet riżultat tas-servizzi taċ-childcare li jingħataw b’xejn għall-ġenituri li jkunu jaħdmu.
Tajjeb infakkar li ċ-childcare ma bdewx mill-2013 ’l hawn. Diġà kienu bdew jitwaqqfu taħt Gvern Nazzjonalista li ħalla childcare centres fil-Qawra, is-Siġġiewi, Pembroke, Bormla, Sta Venera, il-Furjana, Ħal Qormi u l-Marsa. Kif tħallew klabbs 3-16 f’Birkirkara, il-Fgura, iż-Żurrieq, il-Mosta, Marsascala u San Ġwann li kienu jieħdu ħsieb tfal tal-etajiet bejn tlieta u 16-il sena wara l-ħin tal-iskola.
Dawn il-miżuri u oħrajn li twettqu qabel l-2013 favur in-nisa wasslu biex in-numru ta’ nisa jaħdmu li fl-1987 kienu jlaħħqu 32 fil-mija tan-nisa kollha sal-2012 tela’ għal 44 fil-mija.
Kif lanqas irridu ninsew li fit-tielet leġiżlatura tal-Partit Laburista qabel l-1987 tant il-qagħda tax-xogħol kienet ħażina li kienet ħarġet direttiva li kwalunkwe impjieg li jitbattal kellu jimtela minn raġel u mhux minn mara!
Illum hawn ħafna iktar nisa jaħdmu. Dan sa ċertu punt hu pożittiv. Iżda anke hawn rridu naraw għaliex in-nisa qed jaħdmu. Jekk hux għaliex ikollhom karriera jew għaliex ikollhom bilfors joħorġu għax-xogħol biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti bid-dħul tagħhom u dak tar-raġel. Jew biex iħallsu darhom li jkunu xtraw bejniethom u li kull xahar toħdilhom paga ta’ wieħed mill-koppji.
Għoġobni raġunament li ħareġ mill-Bank Ċentrali fejn ġie rrimarkat li r-riskju tal-faqar f’pajjiżna fost l-anzjani jonqos minn dak li hu llum – terz tal-anzjani kollha ’l fuq minn 65 sena – darba n-nisa jaħdmu jieħdu l-pensjoni u allura fil-familja jkun hemm żewġ pensjonijiet għax hekk tinqabeż il-formula li fuqha jiġi stabbilit il-faqar u r-riskju tal-faqar fl-Unjoni Ewropea kollha.
Tajjeb wieħed jistaqsi jekk b’dan ir-raġunament hux se jkollna nistennew 20-30 sena oħra biex ir-riskju tal-faqar fost l-anzjani f’pajjiżna jonqos. Li hu żgur li n-numru ta’ nisa f’riskju tal-faqar f’pajjiżna hu l-agħar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dan mhux ser jiġi korrett billi l-anzjani jingħataw xi ftit żieda fuq dik tal-għoli tal-ħajja. Ma rridux ninsew li l-Gvern Laburista sa sentejn ilu ta biss dak li ħareġ mill-COLA. B’sena minnhom ta żieda redikola ta’ 58ċ fil-ġimgħa. Kien biss fl-aħħar sentejn li maż-żieda tal-COLA ta xi ħaġa oħra. Iżda dik ix-xi ħaġa mhix biżżejjed biex tlaħħaq mal-għoli fl-ikel li hu anki ogħla minn dak tal-medja tal-Unjoni Ewropea u tal-mediċini li f’dawn l-aħħar ġimgħat komplew għollew rashom wara tariffi li żied il-Gvern.
Familji fuq benefiċċji soċjali
Dan l-aħħar kellna bomba oħra fejn tidħol sigurtà soċjali bl-Awditur Ġenerali jikkonferma li eluf ta’ familji f’Malta li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali qed jaqtgħu lura. Mhux ftit! Skont dan l-istħarriġ familja ta’ erba’ min-nies – żewġ adulti u żewġt itfal – tirċievi biss €14,717 meta l-baġit minimu essenzjali għas-sena 2025 biex tkun tista’ tgħix ħajja diċenti huwa stmat li għandu jkun ta’ €19,355 diskrepanza ta’ €4,638 inqas milli familja bħal din ikollha bżonn biex tlaħħaq mal-ħajja.
Jirriżulta wkoll minn dan ir-rapport li minkejja li mill-2023 ’l hawn il-benefiċċji żdiedu bi 18 fil-mija, tul l-istess perjodu l-għoli tal-ħajja żdied b’27 fil-mija. Hekk l-iżbilanċ finanzjarju għal familji bħal dawn mill-2020 ’l hawn kiber minn €2,700 għal €4,600.
Kif taraw mhux kulma jleqq deheb. Il-propaganda irħisa ma talaqx it-toqob fil-livell tal-ħajja li qed jikbru u jiżdiedu. L-iktar fost in-nisa. Flok minn ta’ quddiem ninsabu l-aħħar, jew fost tal-aħjar, f’ħafna servizzi u benefiċċji. Biex dawn jirranġaw il-Gvern irid jgħaddi mill-ftaħir għal azzjonijiet konkreti li jgħollu l-livell tal-għajxien ta’ dawk il-108,000 fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar. Tan-nisa li qegħdin jaqbdu ferm inqas paga għall-istess xogħol li jagħmlu l-irġiel. U għall-pensjonanti, ta’ quddiem nett dawk in-nisa li flok ’il quddiem qed jaqtgħu lura.
Insellem in-nisa kollha u nawguralhom l-isbaħ jum dedikat għalihom il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Marzu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 6 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

