Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument
Kont ili ntella’ u nniżżel biex nikteb dan li ġej iżda l-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar ġimgħat dwar it-taħditiet li kienu għaddejjin għall-ħatra ta’ Prim Imħallef bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni ma ħallewli l-ebda dubji f’moħħi li issa kien il-waqt propizju biex nagħmel dan.
Aktar u aktar saħħaħt din il-fehma wara li smajt tant protagonisti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, fosthom il-Kap Alex Borg, u x-Shadow Minister Joe Giglio, isostnu b’konvinzjoni li kien kollu għalxejn li ċerti ġurnalisti – anzi aħjar insejħilhom reporters – mix-xaqliba l-oħra tal-kamp politiku, bdew jippruvaw jippressawhom biex jiżvelaw dak li kien għaddej fin-negozjati bejn iż-żewġ naħat.
Ammirajthom għaliex żammew il-kelma li taw lin-naħa uffiċjali, u anki pubblikament u fil-Parlament, li huma ma kienu se jagħmlu l-ebda dikjarazzjoni jew isemmu ismijiet fil-pubbliku għaliex il-kelma li ntrabtu biha kienet kelma ta’ rġulija. U propju hawn li rrid nidħol għall-każ li qed nikteb dwaru.
Is-sena 2009 kienet għadha kemm bdiet u dak kien ifisser li fi ftit xhur ried jinstab is-suċċessur ta’ Eddie Fenech Adami bħala President ta’ Malta. Kienu ilhom jissemmew ismijiet, fil-widnejn u anki fil-gazzetti, għalkemm uħud minnhom kienu jissemmew biex sempliċiment tinħoloq storja.
Dak iż-żmien kont għadni l-editur tal-gazzetta Il-Mument. Ġara li f’Sibt partikolari, preċiżament l-10 ta’ Jannar 2009, meta kont fl-uffiċċju tiegħi nħejji għall-ħarġa tal-għada, bħal kull nhar ta’ Sibt, jitfaċċa quddiemi l-Perit Michael Falzon – il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem – li dak iż-żmien kien id-Direttur Editorjali tal-gazzetti tagħna. Bl-istil tiegħu hu qalli: “Jien naf min se jsir President iżda ma nistax ngħidlek.” Hu żied: “Agħtini karta u envelope, niktiblek ismu, imma l-envelope agħlqu bi staples u niftħuh flimkien meta, eventwalment, jitħabbar ismu,” u bqajna hekk.
Immaġinajt li l-envelope ma kontx se niftħu qabel ġimgħat oħra.
L-għada filgħodu, jiġifieri l-Ħadd 11 ta’ Jannar 2009, bħas-soltu ħriġt kmieni nagħmel il-mixja normali tiegħi u f’dik il-ħarġa tiegħi dakinhar ħadt waħda mill-agħar sorpriżi ta’ ħajti.
Dik il-ħabta l-ħwienet kienu għadhom joħorġu l-posters tal-gazzetti mal-faċċata tagħhom, u hemm, skjerati quddiem għajnejja, stajt nintebaħ li KOLLHA kellhom it-titlu ‘George Abela għal President’. Kollha … ĦLIEFNA.
Ħassejtni żgħir, umiljat, tradut u mimli rabja għaliex ħassejt li konna ġejna trattati tant ħażin mill-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista – li finalment il-gazzetta hi tiegħu, mhux tiegħi – mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi nnifsu li barra li kien ukoll Kap tal-partit, kien ukoll ħabib personali sa minn ħafna żmien qabel daħal fil-politika attiva.
Biex aktar jifqagħni, ħabib tiegħi li ltqajt miegħu fit-triq, qalli: “Qegħdin tajjeb intom…. il-ħmar tagħkom u tirkbu wara!”
Dakinhar ma stajtx insib paċi u ċempilt lil ċerta persuna qrib tal-PM Gonzi biex ninfurmah bid-diżappunt estrem tiegħi. Fl-istess ħin għamilt kuntatt mal-kollegi edituri u senior journalists tal-istamperija tagħna biex nagħmlu front komuni billi niktbu ittra ta’ protesta lill-partit u lill-PM innifsu.
L-għada t-Tnejn filgħodu, kmieni kmieni, twasslitli risposta li Dr Gonzi kien ġej ikellimna. U, puntwalment, ġie u l-edituri ltqajna miegħu fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali.
Lawrence Gonzi ħasadna. Hu indirizza lili partikolarment sod, iżda mhux bil-herra, qalli: “Ġejt ngħidilkom li jiddispjaċini ħafna b’dak li ġara iżda m’għandi l-ebda apoloġija x’nagħmel.”
Dak il-ħin litteralment ksaħt u r-rabja ġo fija ttripplat, iżda minnufih Lawrence Gonzi żied: “Jien intrabatt ma’ Dr George Abela li sa ma noħorġu komunikazzjoni uffiċjali kollox jibqa’ konfidenzjali bejnietna. U ftehimna li l-komunikazzjoni toħroġ fit-12 ta’ Jannar,” jiġifieri dakinhar li kienet qed issir dik il-laqgħa bejn il-ġurnalisti u l-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Nistqarr li xorta kont bqajt xi ftit dispjaċut iżda meta rrealizzajt sew id-dinamika ta’ kif seħħew l-affarijiet bdejt nifhem aħjar x’tip ta’ raġel hu Lawrence Gonzi u li l-irġulija tiegħu kienet indiskutibbli. “Jien tajt kelma u żammejtha”, frażi li baqgħet iddur f’moħħi dan l-aħħar meta bdejt nisma’ lil Alex Borg u oħrajn isostnu fuq il-kelma ta’ rġulija.
Meta niftakar dak li seħħ f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħat bil-Kap Nazzjonalista jinsisti li mhux se jikser il-garanzija ta’ konfidenzjalità li ta lill-Prim Ministru Robert Abela, fhimt aħjar li dik ma kinitx xi koinċidenza jew kumbinazzjoni… iżda dik hi karatteristika tal-mexxejja tal-Partit Nazzjona- lista li tiddistingwihom minn ħaddieħor.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 6 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

