Il-Ġimgħa filgħodu ttellgħet il-konferenza annwali ta’ Jum il-Mara organizzata mill-Fondazzjoni Fidem fejn tkellmu fuq numru ta’ realtajiet li jaffaċċjaw in-nisa jum wara l-ieħor.
Matul din il-konferenza ġiet diskussa l-possibilta li tiġi ntrodotta 32 siegħa xogħol fil-Ġimgħa dan bil-għan li l-ġenituri jkollhom iktar ċans igawdu lil uliedhom. Dan apparti l-fatt li miżura bħal din tikkontribwixxi għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Minn naħa l-oħra ġie spjegat ukoll li jekk ikunu qed jaħdmu inqas sigħat, se jkun hemm aktar xogħol li jrid isir.

Ġie diskuss ukoll il-fatt li l-maternity leave għandu jkun aktar ġeneruż sabiex il-ġenituri jkunu aktar preżenti fl-ewwel xhur tat-trobbija. Għaldaqstant, ipproponew li l-maternity leave jkun imqar ta’ sitt xhur.
Apparti minn hekk, tkellmu wkoll fuq l-importanza tal-flessibilta fuq il-post tax-xogħol kif ukoll li din il-flessibilta għandha tiġi miż-żewġ naħat ċioe kemm mill-impjegat kif ukoll minn min iħaddem.
Preżenti wkoll f’din il-konferenza kien hemm numru ta’ studenti li qasmu l-opinjoni tagħhom dwar dak li kien qed jiġi diskuss. Infatti huma rrimarkaw l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.
Intant, preżenti għal din il-konferenza kien hemm Sarah Bajada kif ukoll ix-Shadow Ministers Ivan Castillo u Ivan Bartolo.





