Wara l-premiere dinji fil-Festival tal-Films ta’ Göteborg, fl-Iżvezja, fl-aħħar ta’ Jannar, u l- parteċipazzjoni fis-suq Ewropew tal-Films li seħħ fil-Festival Internazzjonali tal-Films ta’ Berlin ix-xahar li għadda, Żejtune, il-film il-ġdid tal-awtur u d-direttur Alex Camilleri, inbiegħ lil erbatax-il pajjiż madwar id-dinja.
Permezz tal-aġent tal-bejgħ internazzjonali tal-film, Films Boutique, il-film diġà assigura distribuzzjoni fi Franza, l-Italja, il-Belġju, l-Olanda, il-Lussemburgu, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo, il-Montenegro, l-Albanija u Singapor. Il-film se joħroġ fis-swali taċ-ċinema madwar Malta u Għawdex nhar l-Erbgħa 8 ta’ AprimIl-film ser jintwera fl-Eden Cinemas f’San Ġiljan, l-Embassy Cinemas u Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta, u ċ-Citadel Cinemas f’Għawde.
It-trejler uffiċjali tal-film inħareġ ilbieraħ fuq il-website speċjalizata għal-films Deadline u
jinsab disponnibli hawn: https://www.youtube.com/watch?v=e4pKXN3VkZo Il-film se jkollu l-premiere uffiċjali tiegħu f’Malta fl-Eden Cinemas nhar l-Erbgħa 18 ta’ Marzu 2026. L-udjenzi se jkollhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu mal-produtturi tal-films u jieħdu sehem f’diskussjonijiet wara l-wiri f’żewġ wirjiet speċjali ta’ Q&A: fiċ-Citadel Cinemas f’Għawdex nhar it-Tnejn 30 ta’ Marzu 2026, u fl-Embassy Cinemas fil-Belt Valletta nhar it-Tnejn 6 ta’ April 2026.
Żejtune jirrakkonta l-istorja ta’ Mar, interpretata minn Michela Farrugia, mara żagħżugħa lesta tħalli warajha l-gżira żgħira ta’ Malta. Il-mewt ta’ ommha, li ma kellix wisq rapport magħha, toffrilha opportunità permezz tal-wirt ta’ tliet biċċiet art li beħsiebha tbigħ. Hekk kif tibda vjaġġ biex titlob il-wirt, Mar tiltaqa’ ma’ Nenu, interpretat minn Nenu Borg (kantant veteran tal-għana li qed jagħmel id-debutt tiegħu fun l-iskrin fl-età ta’ 82 sena), li l-mużika folkloristika vibranti tiegħu tiġbidha lejn it-tradizzjonijiet ikkuluriti ta’ gżira li hi tant trid taħrab minnhom
Il-film huwa prodott minn Oliver Mallia ta’ Pellikola, Ramin Bahrani ta’ Noruz Films u Alex Camilleri ta’ Solari Productions, bil-ko-produtturi Fred Burle u Sol Bondy ta’ One Two Films, flimkien ma’ Rebecca Anastasi. Il-produzzjoni saret f’ko-produzzjoni ma’ ZDF Das kleine Fernsehspiel u b’assoċjazzjoni ma’ arte, Films Boutique u Nizza Films.
Minbarra Michela Farrugia u Nenu Borg, fil-film jidhru numru t’atturi lokali, fosthom iddebutt fuq l-iskrin tal-kantant u kittieb tal-kanzunetti Maltin Michael Azzopardi fl-irwol ta’ Anġlu, u l-attriċi veterana Frida Cauchi fl-irwol taz-zija ta’ Mar, Annette.
Il-film sar bl-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni Maltija għall-Films, il-Kunsill Malti għall-Arti, id-Doha Film Institute u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.


