Arsenal sabuha diffiċli biex għelbu lit-tim ta’ League 1 Mansfield Town 2-1 barra minn darhom. Noni Madueke fetaħ l-iskor fil-41 minuta b’xutt sabiħ għar-rokna iżda Mansfield ġabu d-draw fil-50 minuta b’azzjoni personali ta’ Will Evans. Arsenal skorjaw dak li spiċċa biex kien il-gowl tar-rebħa fis-66 minuta minn Eberechi Eze.
Chelsea kellhom bżonn il-ħin barrani biex eliminaw lit-tim taċ-Championship Wrexham 4-2 barra minn darhom. Sam Smith poġġa lil Wrexham minn fuq fit-18-il minuta sakemm Chelsea ġabu d-draw fl-40 minuta meta l-ballun ħabat b’mod sfortunat mal-gowlkiper Arthur Okonkwo u spiċċa fix-xibka.
Callum Doyle reġa ta’ vantaġġ lil Wrexham fit-78 minuta iżda l-vantaġġ dam jitgawda biss erba’ minuti b’gowl ta’ Josh-Ko Acheampong. George Dobson ħalla lil Wrexham bi plejer anqas wara li tkeċċa b’intervent tal-VAR fit-93 minuta. Fil-ħin barrani, Alejandro Garnacho tefa’ lil Chelsea minn fuq għall-ewwel darba fis-96 minuta għalkemm inħasdu fil-114-il minuta meta Wrexham ħasbu li ġabu d-draw iżda l-gowl tħassar bil-VAR għal offside millimetriku. Joao Pedro għalaq il-logħba sekondi mit-tmiem.
Manchester City rebħu f’St. James’ Park 3-1. Kienu Newcastle li fetħu l-iskor wara 18-il minuta b’xutt preċiż għar-rokna ta’ Harvey Barnes. Manchester City ġabu d-draw fid-39 minuta f’azzjoni pjuttost fortunata meta l-kross mix-xellug ta’ Jeremy Doku spiċċa għand Savinho li ma ċċaqlaqx u prattikament l-ballun ħabat miegħu qabel qabeż il-linja. Fit-tieni taqsima spikka Omar Marmoush li skorja darbtejn fis-47 u fil-65 minuta biex ta l-kwalifikazzjoni għat-tim ta’ Pep Guardiola.
FA Cup
Il-Ħames Rawnd
Il-Ġimgħa: Wolves v Liverpool 1-3
Illum: Mansfield v Arsenal 1-2, Wrexham v Chelsea 2-4, Newcastle v Manchester City 1-3
Għada: Fulham v Southampton 1.00pm, Port Vale v Sunderland 2.30pm, Leeds U. v Norwich 5.30pm, West Ham v Brentford 8.30pm
//= $special ?>

