Fil-jiem li għaddew, partita mill-Kampjonat tal-Amateurs fit-Turkija, spiċċat abbandunata wara li b’tliet minuti mit-tmiem tal-logħba, wieħed mill-assistant referees, intlaqat minn scooter li twaddab minn partitarjiu.
Rapporti jindikaw li waqt il-konfront bejn Darendespor u Hekimhan Belediyesi Girmana Spor, bl-iskor 1-1, Darendespor skorjaw il-gowl tal-vantaġġ fis-87 minuta, iżda l-assistant referee, Hakan Başkurt ħassar il-gowl għal offside.
Din id-deċiżjoni, tajba jew le, swietlu qares għaliex wieħed mill-partitarji ta’ Darendespor, li kien identifikat bl-isem ta’ Nurettin Ö, tant kemm ħadha bi kbira li l-gowl tħassar, li bir-rabja qabad l-iscooter li kellu f’idu u xeħtu fid-direzzjoni ta’ Başkurt.
L-iscooter laqat lill-assistant referee li kien għadu kemm għolla l-bandiera għal offside, bil-logħba tispiċċa f’kaos sħiħ tant li r-referee ħa d-deċiżjoni li jwaqqaf u jabbanduna l-partita.
Filwaqt li l-ewwel reazzjoni meta tisma’ dak li għamel dan il-partitarju twaslek biex tidħaq, l-inċident kien wieħed serju. Dan għaliex id-daqqa ta’ scooter, ikkawża ferita profonda lil Başkurt, bl-assistant referee saħansitra, għal ftit ħin, intilef minn sensieħ.
Başkurt ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post u ttieħed l-isptar fejn kellu bżonn jagħmlulu l-punti iżda ma kienx f’periklu ki jitlef ħajtu.
Il-pulizija arrestaw lill-partitarju iżda wara li kien interrogat u inħeles mill-awtoritajiet Torok. Il-Federazzjoni tal-futbol fit-Turkija bdiet tinvestiga dan il-każ, meqjus bħala wieħed serju, hekk kif dan l-inċident, bir-raġun qajjem tħassib serju dwar is-sigurtà tal-uffiċjali fil-futbol.
//= $special ?>

