Lokali Qorti

Direttur ta’ kumpanija jinstab ħati ta’ evażjoni ta’ dazju f’każ dwar miljuni f’sigaretti u tabakk

Il-Qorti lliberat lil Marvin Mackay mill-akkużi kollha, filwaqt li l-proċeduri kontra Carmelo Attard ġew iddikjarati estinti minħabba l-mewt tiegħu.

Keith Attard instab ħati mill-Qorti ta’ evażjoni ta’ dazju f’każ li jmur lura għall-2007 u li kien jinvolvi kwantitajiet kbar ta’ sigaretti u tabakk rilaxxati għall-konsum mingħajr ma tħallas id-dazju dovut.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ddikjarat estinti l-proċeduri kontra Carmelo, magħruf ukoll bħala Lino Attard wara li dan miet fl-2016, filwaqt li lliberat lil Marvin Mackay mill-akkużi kollha li kienu għadhom pendenti kontrih.

Il-każ kien jikkonċerna allegazzjonijiet dwar operat ta’ K&L Attard Company Limited bejn Marzu u Diċembru tal-2007, meta l-kumpanija kienet awtorizzata żżomm sigaretti u tabakk f’maħżen taħt sistema ta’ dazju sospiż. Skont il-provi, il-kumpanija kellha tirrapporta u tħallas id-dazju hekk kif il-prodotti jinħarġu għall-konsum fis-suq lokali.

Mill-investigazzjonijiet tad-Dwana rriżulta li kien hemm diskrepanza kbira bejn il-formoli amministrattivi sottomessi mis-suppliers u r-reġistri tal-kumpanija. Skont id-dokumenti, kienu ġew trasferiti 59,429,000 sigarett lill-kumpanija, iżda meta sar aċċess fil-maħżen fl-aħħar ta’ Diċembru 2007 ma nstabet l-ebda kwantità ta’ sigaretti u nstab biss ftit tabakk.

Il-Qorti qalet li d-dazju mhux imħallas fuq is-sigaretti kien jammonta għal €4,239,955, filwaqt li dak dovut fuq it-tabakk kien jammonta għal €101,891.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti osservat li Keith Attard kien direttur, segretarju u rappreżentant legali tal-kumpanija flimkien ma’ missieru, u li mill-provi rriżulta li hu kien il-persuna li prinċipalment kienet tagħmel l-ordnijiet għax-xiri tas-sigaretti u tat-tabakk mingħand is-suppliers.

Il-Qorti qieset li, bħala direttur tal-kumpanija, Attard kellu r-responsabbiltà li jassigura li jinżammu rendikonti korretti tal-istokk u li jitħallas id-dazju dovut meta l-prodotti jinħarġu għall-konsum domestiku. Hija kkonkludiet li din ir-responsabbiltà ma ġietx osservata u għalhekk sabitu ħati tal-akkuża relatata mal-evażjoni tad-dazju.

Min-naħa l-oħra, Keith Attard ma nstabx ħati tal-akkużi ta’ truffa u approprjazzjoni indebita. Il-Qorti qalet li ma ġiex ippruvat li kien hemm qerq li wassal lill-Gvern biex jagħmel jew jonqos milli jagħmel xi ħaġa b’telf patrimonjali konsegwenti, u lanqas li kien hemm provi biżżejjed li l-flus allegatament dovuti kienu ġew iddawra bi profitt għalih jew għal xi ħaddieħor.

Fir-rigward tal-akkuża dwar l-evażjoni tal-VAT, il-Qorti astjeniet milli tieħu konjizzjoni ulterjuri tagħha wara li rrilevat li l-imputazzjoni kienet ġiet redatta b’mod difettuż u fil-fatt kienet tirrepeti l-akkuża dwar l-evażjoni tad-dazju minflok ma kienet tindirizza speċifikament il-VAT.

Marvin Mackay, li kien akkużat fost oħrajn b’approprjazzjoni indebita u involviment fl-evażjoni tad-dazju, ġie lliberat.

Il-Qorti qalet li mill-provi ammissibbli rriżulta biss li xi drabi kien jiġbor il-merkanzija f’isem il-kumpanija u jiffirma d-dokumenti relattivi, iżda ma ġiex ippruvat li kellu l-intenzjoni kriminali meħtieġa jew li kien involut b’mod li jwassal għal sejbien ta’ ħtija.

Keith Attard ġie kkundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Il-Qorti imponietlu wkoll multa ta’ €13,025,538, li terz minnha, jiġifieri €4,341,846, irid jitħallas minnufih bħala dejn ċivili lid-Dipartiment tad-Dwana, filwaqt li l-bqija għandu jitħallas skont il-liġi.

Barra minn hekk, il-Qorti ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ €4,341,846 jew ta’ proprjetà ekwivalenti fil-valur, bħala rikavat mir-reat li tiegħu Attard instab ħati. Ġie ordnat ukoll li jħallas €1,907.91 fi spejjeż marbuta mal-ħatra ta’ espert fil-proċeduri.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi jagħmel stħarriġ biex jiġu identifikati flejjes jew proprjetà oħra dovuti jew taħt il-kontroll ta’ Keith Attard għall-finijiet tal-ordni ta’ konfiska