Is-Sede tas-Soċjetà Peace Band fin-Naxxar laqgħet żewġ ismijiet kbar fid-dinja tas-snooker meta l-leġġenda Maltija Tony Drago iltaqa’ mal-erba’ darbiet Champion tad-Dinja, l-Iskoċċiż John Higgins.
Dan l-avveniment ġie organizzat biex jiġi mfakkar anniversarju importanti – mitt sena ta’ snooker fin-Naxxar. Iċ-ċelebrazzjoni attirat numru sabiħ ta’ dilettanti tal-isport li kellhom l-opportunità jaraw żewġ plejers ta’ livell għoli jaqsmu l-mejda f’logħba mill-aktar interessanti.
John Higgins huwa wieħed mill-aktar plejers rispettati fix-xena internazzjonali tas-snooker u f’Malta għandu ħafna partitarji li jsegwuh. Il-preżenza tiegħu flimkien ma’ dik ta’ Tony Drago, li jibqa’ wieħed mill-ikbar ismijiet fl-istorja tas-snooker Malti, ħolqot atmosfera speċjali u memorabbli għall-pubbliku preżenti.
Waqt konferenza stampa li saret fis-Sala Marija Bambina tas-Soċjetà Peace, Higgins esprima s-sodisfazzjon tiegħu li reġa’ lura Malta, pajjiż li fih dejjem sab merħba sabiħa tul il-karriera tiegħu. Huwa qal li l-aħħar darba li lagħab hawn kienet madwar għoxrin sena ilu u li dejjem ħass pjaċir jilgħab quddiem il-partitarji Maltin.
Il-plejer Skoċċiż żied jgħid li meta Tony Drago stiednu biex jieħu sehem f’din il-logħba ta’ anniversarju importanti, aċċetta mill-ewwel, minkejja l-programm impenjattiv tas-snooker internazzjonali li bħalissa jinkludi turnew kważi kull ġimgħa.
Il-Ġimgħa filgħaxija, fis-sala tas-snooker tas-Soċjetà Peace fin-Naxxar, il-pubbliku seta’ jsegwi esebizzjoni bejn dawn iż-żewġ leġġendi. Wara 10 frames il-logħob spiċċa maqsum, u kien l-aħħar frame li ddeċieda r-riżultat. F’dan il-frame Higgins iddomina bi break ta’ 120 punt, u kien ferm viċin li jagħmel 147 massimu.
Kienet esperjenza li dawk kollha preżenti diffiċli jinsew – avveniment ta’ livell għoli li fih attendew ukoll diversi persuni distinti, fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Alex Borg, akkumpanjat mill-kelliem għall-isport l-Onor. David Agius.
//= $special ?>

