Iż-żgħażagħ mhumiex biss il-mexxejja ta’ għada, iżda l-mexxejja tal-lum. Dawk li jistgħu jkunu l-katalisti għall-bidla li għandhom bżonn Malta u Għawdex tagħna.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta lbieraħ filgħaxija indirizza liż-żgħażagħ li qed jipparteċipaw fit-tieni weekend session tal-programm Future Leaders organizzat mill-AŻAD u l-PN. Is-sessjoni mifruxa fuq tlett ijiem qed issir fil-bini tal-AŻAD, fil-Belt Valletta, fi tmiem din il-ġimgħa u matulha l-parteċipanti qed jingħataw formazzjoni u taħriġ f’diversi suġġetti.
Fost il-preżentazzjonijiet li qed isiru lill-parteċipanti hemm dawk dwar temi bħalma huma l-kampanji elettorali, l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, il-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista, kif tieħu sehem f’dibattitu, is-sehem tas-soċjetà ċivili, Għawdex, l-ekonomija u l-ambjent.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fakkar ukoll fil-Youth Think Tank li qed iservi bħala pjattaforma permanenti biex iż-żgħażagħ jikkontribwixxu direttament kemm fil-viżjoni tal-PN kif ukoll fit-tfassil tal-politika tiegħu. Hu qal li l-pajjiż hu taż-żgħażagħ u bħala żagħżugħ jemmen bis-sħiħ fi programmi bħal dawn li jagħtu lill-mexxejja ta’ għada il-ħiliet u l-opportunitajiet biex jikbru.
Il-ftuħ tat-tieni seminar prattiku għall-parteċipanti tal-programm Future Leaders lbieraħ kien indirizzat ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, li tenna l-importanza li l-politika tibqa’ l-għodda essenzjali biex wieħed mhux sempliċiment jissuġġerixxi, iżda jbiddel u jirriforma. Hu għalhekk li ż-żgħażagħ għandhom ikomplu jersqu ‘l quddiem u jagħtu s-sehem tagħhom.
Il-parteċipanti kienu indirizzati wkoll minn Charlò Bonnici li huwa l-koordinatur tal-programm. Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-AŻAD Roderick Agius.
Dan il-kors ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ qed isir bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Konrad Adenauer, li hija fondazzjoni politika ewlenija li tippromwovi d-demokrazija, is-saltna tad-dritt u l-parteċipazzjoni ċivika madwar id-dinja. B’uffiċċji f’aktar minn 100 pajjiż, din il-Fondazzjoni – li hi msemmija għall-ewwel Prim Ministru tal-Ġermanja wara t-Tieni Gwerra Dinjija – tippromwovi l-paċi, il-libertà u l-ġustizzja permezz ta’ edukazzjoni politika, u taħdem ma’ msieħba bħall-AŻAD u l-Partit Nazzjonalista biex tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ, tinkoraġġixxi l-mexxejja u ssaħħaħ il-valuri demokratiċi.
L-AŻAD (Akkademja għall-Iżvilupp ta’ Ambjent Demokratiku) hija think-tank li twaqqaf fl-1976 bil-għan li sservi bħala ċentru ta’ edukazzjoni ispirat mill-prinċipji Demokristjani u tikkontribwixxi għall-istudji politiċi, il-formazzjoni politika u l-ħolqien tal-politika f’Malta billi tipprovdi opportunitajiet ta’ skambju u taħriġ.
Il-programm Future Leaders mhux sempliċi kors imma huwa investiment fiż-żgħażagħ, li huma l-futur ta’ Malta. Programm bħal dan jgħin lill-parteċipanti jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa u jkabbru l-għarfien tagħhom biex ikunu f’pożizzjoni li jissieħbu fit-tfassil tal-politika biex inrawmu ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja ta’ għada.
//= $special ?>

