Ix-xogħol fuq il-binja ta’ Puttinu fiċ-Ċentru ta’ Londra issa miexi b’ritmu tajjeb. Dan hekk kif il-binja bħalissa qed tiġi rinnovata u qed jinbena wkoll sular addizzjonali bħala parti mill-proġett biex il-proprjetà tinbidel f’29 appartament għall-pazjenti Maltin u Għawdxin li jivvjaġġaw lejn l-Ingilterra għal kura medika.
Din il-binja kienet inxtrat għal 8.9 miljun ewro – investiment li wasal grazzi għall-ġenerożità li dejjem intweriet mill-poplu kollu mal-Fondazzjoni Puttinu.
Meta jitlesta dan il-proġett, dawn l-appartamenti l-ġodda se jiżdiedu mal-20 appartament li Puttinu Cares diġà topera f’Sutton…u li matul is-snin laqgħu fihom mijiet ta’ pazjenti Maltin u Għawdxin flimkien mal-familji tagħhom li jivvjaġġaw lejn l-Ingilterra għall-kura. U b’hekk, la l-proġett ikun konkluż, it-total jitla’ għal 49 appartament.
Puttinu qed jitolbu lin-nies biex ikunu parti minn dan il-wirt li jibqa’; dan billi persuna jkollu ismu, jew l-isem ta’ xi ħadd għażiż, imniżżel bħala parti minn din l-istorja ta’ ġenerożità u solidarjetà.
//= $special ?>

