Fil-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, Sarah Bajada organizzat attività soċjali f’Olive Gardens.
Inizjattiva li laqqgħat flimkien bosta nisa li huma attivi fis-soċjetà tagħna, fosthom attivisti u deputati tal-Partit Nazzjonalista.
L-iskop ewlieni ma kienx biss li n-nisa jiltaqgħu flimkien, iżda li jinħoloq spazju fejn jistgħu jiddiskutu u jirriflettu dwar ir-rwol tal-mara fid-dinja tal-lum.
Sarah Bajada saħqet li attivitajiet bħal dawn ikomplu jenfasizzaw l-importanza ta’ spazji fejn in-nisa jistgħu jiltaqgħu, jaqsmu l-ideat tagħhom u jiċċelebraw il-kisbiet tagħhom.
Il-Jum Internazzjonali tal-Mara, li jiġi ċċelebrat fit-8 ta’ Marzu, għandu storja twila li bdiet fl-1909 fl-Istati Uniti meta n-nisa qamu biex jipprotestaw kontra l-inġustizzja. Minn dakinhar, din il-ġurnata saret appuntament annwali madwar id-dinja biex jingħata rikonoxximent lill-mara.
B’messaġġ lin-nisa, Sarah Bajda saħqet fuq l-importanza li n-nisa jappoġġjaw u jgħinu lil xulxin, filwaqt li jfakkru lil xulxin fis-saħħa tal-vuċi tagħhom.
L-attivitajiet ta’ Jum il-Mara se jilħqu l-qofol tagħhom għada b’maratona ta’ ġbir ta’ fondi li se tibda fit-3:00 ta’ waranofsinhar. Il-maratona se tkun qed tixxandar b’mod dirett fuq Net Television kif ukoll fuq Net FM.




