Raġel ta’ 50 sena minn Bormla, ġie kkundannat sentejn ħabs wara li nstab ħati ta’ serqa minn karozza, frodi u ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti semgħet kif Matthew Frendo kiser it-tieqa ta’ karozza pparkjata u seraq kartiera li kien fiha dokumenti personali u karti bankarji.
Il-vittma ndunat bis-serqa meta reġgħet lura għall-karozza u sabet it-tieqa miksura.
Il-cards misruqa bdew jintużaw f’xi ħwienet f’Raħal Ġdid. Il-pulizija identifikaw lill-akkużat permezz ta’ filmati tas-CCTV u aktar tard sabuh fil-viċinanza b’oġġetti mixtrija bil-cards misruqa.
Mara li kienet miegħu xehdet li rat lil Frendo jisforza l-vettura b’screwdriver u juża l-cards biex jagħmel diversi xiri. Il-Qorti qieset ix-xhieda tagħha kredibbli u konsistenti mal-provi l-oħra.
Il-Qorti ma emmnitx il-verżjoni ta’ l-akkużat li qal li l-cards kienu ngħatawlu minn persuna mhux magħrufa, u sabitu ħati tas-serq u frodi, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnutat il-fedina penali twila tiegħu u li l-vittma ma kinitx ġiet ikkumpensata. L-akkużat ġie kkundannat sentejn ħabs u ordnat iħallas madwar €70 lill-vittma. Huwa tqiegħed ukoll taħt ordni ta’ kura għal tliet snin minħabba l-vizzju tad-droga.
Minħabba li kiser il-ħelsien mill-arrest f’każ ieħor, il-Qorti mmultatlu €1,000 u ordnat il-konfiska ta’ €5,000 mill-garanzija personali tiegħu. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Nadine Sant Lia.
//= $special ?>

