Qorti

Żagħżugħ akkużat li pprova jgħaddi minn fuq raġel bil-karozza waqt ġlieda fil-Gżira

Żagħżugħ ta’ 20 sena mill-Marsa jinsab akkużat b’attentat ta’ qtil wara inċident vjolenti li allegatament seħħ fil-Gżira.

Fil-qorti, il-vittma qal li l-argument beda wara li Denzil Farrugia allegatament saq b’mod perikoluż u laqat il-karozza tiegħu. Meta pprova jkellmu dwar il-ħabta, is-sitwazzjoni eskalat f’ġlieda.

Il-vittma sostna li l-akkużat pprova jgħaddi minn fuqu bil-karozza tliet darbiet, billi mexxa l-vettura ’l quddiem u lura fid-direzzjoni tiegħu. Qal ukoll li l-akkużat mar dawra madwar il-blokka u reġa’ lura fuq il-post.

Skont ix-xhud, l-akkużat aktar tard ċempel lil xi nies oħra li waslu fuq il-post u allegatament qabdu lill-vittma, tefgħuh fuq il-bonnet tal-karozza u sawtuh. Huwa qal ukoll li l-akkużat għamel aktar ħsara lill-karozza billi uża helmet.

Il-vittma qal li f’ħin minnhom beża’ għal ħajtu u pprova jaħrab lejn iż-żona tal-baħar.

Farrugia qed jiffaċċja wkoll akkużi oħra, fosthom li hedded lill-vittma, għamel ħsara volontarja lill-proprjetà u saq mingħajr liċenzja u assigurazzjoni. Huwa akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet tal-bail u wettaq reat waqt li kien taħt conditional discharge.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-qorti ċaħdet it-talba minħabba s-serjetà tal-akkużi.