Futbol Sport

Żewġ gowls kmieni jwittu t-triq għar-rebħa Żvizzera

(Ritratt: Malta FA)

MALTA……………… 1

ŻVIZZERA………… 4

Malta: G. D’Antuono, E. Flannery (S. Zammit 58’), E. Lipman, S. Farrugia, L. Farrugia (K. Willis 77’), M. Farrugia, J. Flask, M. Lucia (Y. Carella 71’), B. Borg, H. Bugeja, L. Ayres (J. Barbara 77’)

Żvizzera: L. Peng, N. Maritz, G. Reuteler, N. Riessen, S. Schertenleib (L. Kamber 74’), L. Walti, L. Wandeler (A. Crnogorcevic 62’), S. Folmli (A. Csillag 46’), V. Calligaris, I. Beney (L. Egli 85’), A. Lehmann (R. Xhemaili 62’)

Imwissija: S. Schertenleib 32’, A. Csillag 52’ (Ż), G. D’Antuono 70’, Y. Carella 76’ (M)

Skorjaw: I. Beney 8’, A. Lehmann 10’, S. Folmli 39’, A. Csillag 73’ (Ż), M. Farrugia 19’ (M)

Referee: Jelena Medjedović (Serbja)

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa sofra t-tieni telfa fi ftit jiem f’partita oħra diffiċli għat-tim immexxi minn Manuela Tesse. Wara t-telfa ta’ 3-0 kontra t-Turkija t-Tlieta li għadda, ilbieraħ it-tim Malti tilef 4-1 kontra l-Iżvizzera, nazzjon li jinsab fil-25 post fir-rankings tal-FIFA.

IMAN BENEY poġġiet lill-Iżvizzeri fil-vantaġġ wara tmien minuti b’konklużjoni mill-kaxxa l-kbira li spiċċat fir-rokna xellugija ta’ Giulia D’Antuono. L-iskor sar 2-0 żewġ minuti wara meta ALISHIA LEHMANN ġiet żmarkata fuq in-naħa leminija u antiċipat il-ħarġa ta’ D’Antuono biex tefgħet f’xibka vojta.

In-nisa Maltin irkupraw ftit minn din id-doċċa kiesħa u fid-19-il minuta wasal il-gowl b’xutt kross ta’ MARIA FARRUGIA mix-xellug li spiċċa biex qabeż lill-gowlkiper avversarja u spiċċa fix-xibka. Għal diversi minuti, it-tim Malti beda jikkontrolla lill-avversarji u anki beda jersaq lejn il-kaxxa difiża mill-Iżvizzera, madankollu fid-39 minuta wasal it-tielet gowl. Sydney Schertenleib qassmet passaġġ fl-ispazju lejn SVENJA FOLMLI li ma żbaljatx quddiem D’Antuono.

Fit-tieni taqsima, l-Iżvizzera poġġiet lit-tim Malti aktar taħt pressjoni u l-kontroll tal-logħba baqa’ f’idejn l-avversarji. Ir-raba’ gowl wasal fl-74 minuta meta s-sostituta AURELLE CSILLAG irċeview ballun wara d-difiża Maltija, avvanzat u minn pożizzjoni ftit angolata għelbet lil Giulia D’Antuono.

L-impenn li jmiss tat-tim Malti hu konfront doppju kontra l-Irlanda ta’ Fuq fl-14 ta’ April qabel it-tieni konfront f’pajjiżna erbat ijiem wara.