Formula 1 Sport

George Russell jirbaħ l-ewwel tellieqa tal-istaġun

(Ritratt: EPA)

George Russell rebaħ l-ewwel tellieqa tal-istaġun tal-Formula 1 2026,li saret fl-Awstralja, wara prestazzjoni qawwija li wasslet ukoll għal riżultat doppju għat-tim Mercedes‑AMG Petronas.

Russell beda t-tellieqa mill-pole position iżda kellu start diffiċli u ġie megħlub fil-bidu minn Charles Leclerc ta’ Scuderia Ferrari. It-tnejn kellhom battalja interessanti għall-ewwel post fl-ewwel laps tat-tellieqa.

Madankollu, kollox inbidel meta daħlet il-virtual safety car wara li l-karozza ta’ Isack Hadjar kellha problema u kellha tieqaf. Mercedes sfruttaw is-sitwazzjoni b’pit stop strateġiku għal Russell u s-sieħeb tiegħu Kimi Antonelli. Din id-deċiżjoni tat vantaġġ lit-tim Ġermaniż fuq Ferrari.

Wara li Ferrari għamlu l-pit stop tagħhom aktar tard, Russell u Antonelli sabu ruħhom fl-ewwel żewġ postijiet. It-tnejn żammew il-pożizzjonijiet tagħhom sal-aħħar tat-tellieqa minkejja li kienu fuq l-istess tyres għal ħafna laps.

Russell spiċċa l-ewwel u kiseb is-sitt rebħa tal-karriera tiegħu fil-Formula 1, filwaqt li Antonelli temm fit-tieni post għal 1-2 storiku għal Mercedes. Charles Leclerc temm fit-tielet post, filwaqt li s-sieħeb tiegħu Lewis Hamilton spiċċa r-raba’.

Iċ-champions tad-dinja attwali Lando Norris temm fil-ħames post, filwaqt li Max Verstappen għamel rimonta impressjonanti minn post 20 fuq il-grid biex spiċċa s-sitt.

Fost is-sewwieqa l-oħra li daħlu fiż-żona tal-punti kien hemm Oliver Bearman fis-seba’ post, id-debuttant Arvid Lindblad fit-tmien, u Gabriel Bortoleto fid-disa’, li ta wkoll l-ewwel punti lit-tim Audi F1 Team. Il-top 10 ingħalaq b’Pierre Gasly ta’ Alpine F1 Team.

It-tellieqa kienet ukoll mimlija drama, b’xi karozzi li ma rnexxielhomx jibdew jew jispiċċaw it-tellieqa, fosthom Oscar Piastri li kiser il-karozza tiegħu qabel it-tluq tat-tellieqa.

B’din ir-rebħa, Russell qed imexxi l-klassifika tas-sewwieqa għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu u Mercedes jidhru fost il-favoriti għall-istaġun 2026.