Futbol Sport

Ħamrun Spartans b’rebħa kbira fuq Birkirkara biex iżommu ‘l pass ma’ Floriana

(Ritratt: Joseph Galea)

ĦAMRUN SPARTANS………….3

BIRKIRKARA……………………….0

Referee: Ishmael Barbara

Most Valuable Player: Sven Xerri

Ħamrun Spartans komplew iżommu pressjoni fuq Floriana fil-quċċata tal-klassifika tal-YoHealth Malta Premier, meta kisbu rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Birkirkara u b’hekk id-distakk bejn iż-żewġ timijiet baqa’ ta’ żewġ punti biss.

L-Ispartans fetħu l-iskor kmieni fil-partita, wara seba’ minuti logħob. Konfużjoni fid-difiża ta’ Birkirkara wasslet biex El Fanis jipprova jqabbeż il-ballun minn taħt il-lasta iżda l-ballun ħabat mal-mimduda. Mill-rebound kien hemm Matthew Guillaumier li ma żbaljax u tefa’ l-ballun fix-xibka.

Ftit minuti wara, il-plejer laterali ta’ Birkirkara Garzia deher jitwaqqa’ fil-kaxxa minn Camenzuli, iżda r-referee Barbara ħalla l-logħob għaddej.

Ħamrun ikomplu jkunu perikolużi hekk kif fit-32 minuta, kross ta’ Bulevardi jsib lil Guillaumier li daħal b’ġirja u qabeż għad-daqqa tar-ras, li jirriżulta f’save tajjeb minn Martinez li jdawwar f’korner.

L-ewwel taqsima tintem 1-0 għall-Ispartans

Ħamrun Spartans stennew sal-75 minuta biex irdoppjaw l-iskor b’azzjoni mill-isbaħ ta’ Joseph Mbong, li kkontrolla tajjeb il-ballun u minn tarf il-kaxxa fajjar xutt b’saħħtu li għeleb lil Martinez.

It-tielet gowl jasal tlett minuti wara hekk kif Joseph Mbong skorja t-tieni gowl personali meta kkonverta l-penalty mogħti lilu minn foul ta’ Lopez fuq El Fanis fil-kaxxa.

Ritratt: Joseph Galea