“In-nisa mhux kliem fieragħ iridu imma azzjonijiet. Fejn hemm l-isfidi, irridu noħolqu l-opportunitajiet. Fil-fatt il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ proposti biex noħolqu l-ugwaljanza”.
Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta ndirizza attività f’Jum il-Mara li saret mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista bis-sehem ta’ numru ta’ professjonisti.



Alex Borg spjega li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq quddiem fuq il-vjolenza domestika, il-work-life balance, u anke private members’ bill dwar il-fastidju sesswali.
Huwa anke spjega kif fil-politika interna tal-Partit Nazzjonalista u tiegħu bħala Kap, jara li dejjem ikun hemm mara preżenti għaliex mara toffri perspettiva differenti, ħsieb kritiku u anke empatija. Dan filwaqt li anke spjega kemm hu importanti li l-familji tagħna jkollhom l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, spjega wkoll li ħafna drabi, in-nisa li jkollhom diżabbiltà jħossuhom minoranza fil-minoranza, għalhekk għandna noffru soluzzjonijiet li ma tħallix lil dawn in-nisa lura. B’Alex Borg jispjega kif għandna naraw li n-nisa fl-isport iħossuhom aktar sikuri.
Alex Borg anke appella sabiex ir-riforma fil-Qorti tal-Familja ssir b’għaqal, li tara li l-manteniment ikun ibbażat fuq il-liġi u fuq il-ħtiġijiet tat-tfal. Riforma li tħares lit-tfal li jispiċċaw f’sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika intortament.
Preżenti għal din id-diskussjoni kienu numru ta’ kelliema, li s-sentiment tagħhom kien propju kif il-politika attwali għadha xħieħa mal-familja, u mhux qed tħares l-interessi tal-familja li hija ċ-ċentru tan-nazzjon Malti.
Fil-fatt, il-Professur Anna Borg spjegat kif huma 1% tal-irġiel li jieħdu t-toqol tal-familja bħal tindif u tisjir tal-ikel. Bil-Professur Borg tispjega li s-soċjetà Maltija tippretendi li n-nisa irabbu t-tfal u jieħdu ħsieb il-familja daqs li kieku ma għandhomx karriera. Fejn spjegat li l-policies tal-lum huma xħaħ mal-familji u anke jċaħħdu lill-irġiel li jesperjenzaw it-tfulija tat-tfal tagħhom.

Minn naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella spjega li meta ddeċidejna li ndaħħlu lil mara fid-dinja tax-xogħol kien ħaqqha, iżda nsejna x-xogħol kbir li hemm wara familja. Għalhekk diskussjoni f’jum il-mara għandha tfaħħar iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja u minn dan l-aspett għandna naraw kif il-politika tixpruna l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Fejn in-nisa, mhux jaffaċċjaw diskriminazzjoni fil-karriera tagħhom sempliċiment għaliex ikunu qed jistennew tarbija.

Amy Camilleri Zahra spjegat li nisa b’diżabbiltà jesperjenzaw l-istess ostakli tan-nisa iżda akbar. Dan minħabba misconceptions li jeżistu, speċjalment dwar it-tfal. Fejn teżisti l-idea li dawn in-nisa, ma jkollhomx tfal, jew inkella li jiġu trattati ta’ tfal. Madanakollu, hija anke spjegat li sfortunatament, il-vjolenza domestika fil-konfront ta’ dawn in-nisa huwa akbar minħabba li jkun hemm bżonn l-għajnuna d-dar. Fil-fatt, hija appellat sabiex in-nisa b’diżabbiltà jkunu parteċipi fil-politika.

Minn naħa tagħha, il-professur Clarissa Sammut Scerri spjegat li 1 minn kull 4 nisa jesperjenzaw vjolenza, bl-aktar vjolenza esperjenzata tkun dik sesswali. Hija anke spjegat li numru ta’ nisa jsibuha diffiċli jemmnu li dak li qed jgħaddu minnhom huwa abbuż. Fejn appellat sabiex it-tfal jingħataw l-għajnuna meħtieġa f’dawn is-sitwazzjonijiet li sfortunatament ikunu f’dawn is-sitwazzjonijiet intortament.

Preżenti wkoll kienet Paula Briffa, atleta f’pajjiżna li spjegat kif l-isportivi nisa jesperjenzaw numru ta’ ostakli, fost anke nuqqas ta’ sigurtà u aċċessibilità. Fejn spjegat ukoll li sfortunatament, il-policies ma jieħdux inkunsiderazzjoni li n-nisa atleti, ħafna minnhom ikollhom jissagrifikaw l-isport minħabba l-familja. Minkejja li l-isport jgħin anke fis-saħħa mentali u l-benesseri, investiment li jsarraf f’ġid anke għall-familja.


Indirizzat din l-attività wkoll Marie Claire Zammit, il-President tal-MNPN li spjegat li huwa propju minħabba dawn ir-raġunijiet imsemmijin illi l-ħidma ta’ din il-fergħa hija importanti. Hekk kif twassal il-vuċi tan-nisa kollha u anke tħejji t-triq għal dawn li jridu jkunu fil-politika.



