Internazzjonali

In-Norveġja: Jinvestigaw splużjoni fl-Ambaxxata Amerikana….Ma jeskludux każ ta’ terroriżmu

L-awtoritajiet fin-Norveġja mhumiex jeskludu li splużjoni li saret fl-Ambaxxata Amerikana ta’ Oslo matul is-sigħat bikrija tal-Ħadd kienet azzjoni terroristika.

L-investigazzjonijiet fil-kapitali Norveġiża qed ikomplu, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li ma weġġa ħadd fl-isplużjoni.

Il-Pulizija u s-servizzi sigrieti Norveġiżi, fl-aħħar sigħat, qalu li kienu qed jevalwaw l-informazzjoni biex jaċċertaw ‘mingħajr ħjiel ta’ dubju’ jekk il-każ kienx wieħed ta’ terrur.

L-awtoritajiet Norveġiżi anki qed iżommu l-kuntatti kontinwi mad-diplomati Amerikani, li, min-naħa tagħhom, irrifjutaw li jikkummentaw dwar l-iżviluppi.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Norveġiżi qalu li jridu jikkunsidraw ukoll il-possibbiltà li l-isplużjoni fl-ambaxxata seħħet minħabba ‘kawżi oħrajn mhumiex relatati mat-terroriżmu’.

Dan ukoll meta fl-aħħar sigħat kien hemm preżenza kbira ta’ pulizija u esperti tas-sigurtà fl-inħawi tal-ambaxxata – bl-aċċess għall-inħawi jibqa’ magħluq għal waqt l-investigazzjoni.

Mifhum li l-isplużjoni seħħet fid-daħla ewlenija għall-ambaxxata li juża l-pubbliku, bil-pulizija twettaq it-tfittxijiet estensivi fil-bini li tinsab fid-distrett ta’ Morgedalsvegen, ftit ‘il hinn miċ-ċentru ta’ Oslo.

Il-Pulizija ħarġu wkoll appell għall-informazzjoni mingħand xi persuni li jistgħu  jafu ‘xi ħaġa’ dwar l-inċident.

L-awtoritajiet Norveġiżi issa qalu li azzjonijiet bħal dawn huma assolutament inaċċettabbli, waqt li l-Ministru Norveġiż għall-Affarijiet Barranin, Espen Barth Eide, sostna li l-Gvern tiegħu jagħti importanza kbira lis-sigurtà tal-missjonijiet diplomatiċi fin-Norveġja.