Iżrael qed jirranka l-offensiva fuq l-Iran kif ukoll fuq il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu – bl-Istati Uniti tħejji fażi ġdida u aktar intensiva ta’ attakki fuq il-Ġerarkija Iżlamika u l-faċilitajiet militari f’Teheran.
Il-gwerra –li qed tħalli riperkussjonijiet madwar ir-reġjun tal-Golf u ‘il hinn minnu – issa ilha aktar minn ġimgħa, bl-Iran jiċħad kategorikament għall-pressjoni tal-President Amerikan Donald Trump biex ‘iċedi mingħar kundizzjonijiet.’
Sadanittant, il-militar Iżraeljan ħareġ twissija li se jkompli bil-kampanja biex jelimina lil kwalunkwe suċċessur għat-Tmexxija tal-Iran wara l-qtil, ix-xahar li għadda, tal-Ayatollah Ali Khamenei – il-Kap Suprem tal-Iranjani. L-Iżraeljani wissew li din il-kaċċa għandha tapplika wkoll għall-membri tar-reġim involuti f’dan il-proċess ta’ għażla.
Dan waqt li l-Assemblea tal-Esperti Iranjani qalu li l-Mexxej Suprem ġdid kien ġie elett diġà waqt vot sigriet u meta, għad fadal l-aħħar parti tal-proċedura għall-konferma finali. L-Assemblea tal-Esperti kienet ilha ma tiltaqa għal snin u meta tinkludi fiha madwar 88 reliġjużi konservattivi ewlenin.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-President Iżraeljan, Isaac Herzog, sostna li pajjiżu qed imexxi l-offensiva bħala ‘l-aqwa forma ta’ difiża’ kontra l-pjani qerrieda tal-Iran li minn dejjem kien kontra l-eżistenza ta’ Iżrael bħala Stat.Herzog qal ukoll li l-Iranjani, qabel l-offensiva, kienu viċin ħafna li jżidu l-ħażna tal-missili ballistiċi għal aktar minn 20,000. Dawn il-missili partikulari għandhom il-kapaċità biex jolqtu lil kull zona ta’ Iżrael flimkien ma’ kwalunkwe zona oħra madwar il-Lvant Nofsani.
Trump jirrikola t-theddid mill-Iran
Il-President Amerikan Donald Trump, waqt intervista lill-Istazzjon CBS, qal li mhux qed jiddejjaq mit-theddid indirizzati lejh mill-Iran fuq livell personali.
Dan wara li Ali Larijani, l-ogħla uffiċjal responsabbli mis-sigurtà Iranjana, qal kemm il-darba li ‘l-Istati Uniti għandha tħallas prezz qawwi għall-azzjonijiet militari fuq pajjiżu’.
Sadanittant, Trump wieġeb li ‘ma għandu l-ebda idea xi jrid jgħid Larijani’ u li, fl-istess ħin, ma jimpurtah xejn mill-messaġġi li qed joħorġu minn Teheran,. Dan waqt li hu kompla jirreferi għall-Iran bħala ‘pajjiż diġà megħlub’.
Donald Trump esprima fiduċja ‘assoluta’ fl-istrateġiji militari ta’ pajjiżu f’din il-gwerra u qal li l-fażi li jmiss tal-attakki għandhom jikkonċentraw fuq il-missili tal-Iranjani għal fuq id-distanzi twal.
Sensiela ta’ attakki bla heda
Fl-aħħar sigħat, id-depots taż-żejt fl-Iran intlaqtu mill-ġdid mill-bumbardamenti konġunti tal-qawwiet Amerikani u Iżraeljani u fejn seħħew diversi splużjonijiet kbar.
Wieħed minn dawn in-nirien ħakem l-inħawi viċin ta’ depot taż-żejt partikulari, bil-fjammi jaħkmu wkoll numru ta’ djar u stabbilimenti fiz-zona.
Sadanittant, l-Iran qed ikompli jispara l-missili u d-drones lejn il-bażijiet militari tal-Amerikani fil-pajjiżi tal-Golf , b’wieħed mid-drones jolqot bini tal-Gvern fil-Kuwajt fejn ikkaġuna ‘infern ta’ nirien’.
Fi żviluppi oħra, indarbu numru ta’ persuni f’Bahrain wara li l-partijiet ta’ missila niżlu direttament għal fuq bini. Dan waqt li missili oħrajn tal-Iranjani laqtu mill-ġdid l-inħawi ta’ Muscat, il-kapitali tal-Oman.
Twissija lir-Renju Unit
L-Ambaxxatur Iranjan f’Londra, Seyed Ali Mousavi, wissa li pajjiżu jkollu d-dritt assolut li jiddefendi ruħu ‘f’sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit jissieħeb direttament fl-attakki tal-Istati Uniti u Iżrael fuq l-Iran.’
Il-messaġġ kien li l-Iran jistenna li r-Renju Unit u pajjiżi oħrajn tal-Punent ‘jibqgħu attenti u kawti ħafna f’azzjoniethom’… Dan wara li r-Renju Unit ta permess biex l-Istati Uniti tuża l-bażijiet tal-Britanniċi għall-attakki fuq il-faċilitajiet tal-Iran – bil-Britanniċi mhumiex qed jieħdu sehem fl-azzjonijiet diretti fuq dawk il-miri.
Kaos għall-ivvjaġġar
L-ivvjaġġar bl-ajru fir-reġjun tal-Lvant Nofsani għadu maħkum mill-kaos b’kaġun tal-gwerra fl-Iran.
Il-linja Qatar Airways sostniet li t-titjiriet skedati baqgħu temporanjament sospiżi minħabba l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Qatar. Madankollu, il-linja xorta setgħet topera ftit titjiriet ta’ ripatarijazzjoni minn Doha lejn Amsterdam, Berlin, Frankfurt, Londra u Zurich.
Mistenni, intant, li t-titjiriet ikomplu ladarba l-Qatar jiftaħ rotta tal-ajru limitata għall-ġranet li ġejjin – bl-iskedi tat-titjiriet kummerċjali għadhom ferm ‘il bogħod min-normal.
//= $special ?>

