Futbol Sport

Marsaxlokk ikkonfermati mal-ewwel sitta tal-Closing Round

MARSAXLOKK………………….1

NAXXAR LIONS…………………1

Referee: Slobodan Petrovic

Most Valuable Player: Louis Pahama (Naxxar Lions)

F’partita interessanti li ntlagħbet fit-Tony Bezzina Stadium, Marsaxlokk kellhom jikkuntentaw b’draw ta’ 1-1 kontra Naxxar Lions, minkejja li fit-tieni taqsima kienu t-tim li ħoloq l-aktar periklu u setgħu saħansitra ħarġu rebbieħa. Min-naħa tagħhom, in-Naxxarin ukoll taw prestazzjoni tajba u kompetittiva. B’dan ir-riżultat Marsaxlokk ikkonfermaw posthom mal-ewwel sitt timijiet, filwaqt li Naxxar Lions għadhom mhux ċerti mill-istess mira.

Kienu Naxxar Lions li fetħu l-iskor fid-19-il minuta meta Louis Pahama spara xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Christoffer Mafoumbi, għal gowl sabiħ li poġġa lill-Lions fil-vantaġġ.

Fis-36 minuta Naxxar reġgħu kienu perikolużi b’azzjoni tajba mibnija minn Vitinho u Edson Cerqueira Farias, li wassal lil Mafoumbi jagħmel intervent importanti biex iżomm lit-tim tiegħu fil-logħba. Madankollu fil-40 minuta Naxxar Lions spiċċaw b’għaxra meta Gustavo Felipe tkeċċa bit-tieni karta safra wara foul fuq kontrattakk ta’ Marsaxlokk.

L-ewwel taqsima spiċċat b’Naxxar Lions minn fuq bl-iskor ta’ 1-0.

Fit-tieni taqsima Marsaxlokk bdew jagħmlu aktar pressjoni. Fil-51 minuta Jose Arias Ulises xeħet kross mil-lemin lejn Nikolai Muscat, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu spiċċat f’idejn il-goalkeeper Matthias Debono. Erba’ minuti wara kien hemm kross ieħor ta’ Arias Ulises, din id-darba lejn Rasmus Linden, iżda t-tentattiv bir-ras għadda għoli.

Fit-62 minuta Marsaxlokk fallew opportunità kbira għad-draw meta Dodo sab ruħu quddiem Debono iżda x-xutt tiegħu mix-xellug spiċċa barra. Madankollu l-gowl tad-draw wasal fis-66 minuta, meta wara azzjoni konfuża fil-kaxxa ta’ Naxxar, Dodo mill-viċin irnexxielu jegħleb lil Debono u jġib l-iskor indaqs.

Ftit minuti wara, Marsaxlokk kellhom ċans kbir li jmorru minn fuq meta Leandro Aguirre twaqqa’ fil-kaxxa mis-sostitut Joao Vitor Moura Cardoso u r-referee ordna penalty. Madankollu Dodo ma rnexxielux jiskorja mill-11-il metru hekk kif Matthias Debono salva b’mod brillanti u devja l-ballun mal-wieqfa.

Fil-79 minuta Naxxar Lions ukoll kienu qrib li jerġgħu jmorru fil-vantaġġ meta minn kross mix-xellug, Vitinho ra l-ewwel xutt tiegħu salvat minn Mafoumbi, filwaqt li t-tieni tentattiv tiegħu ġie devjat minn difensur ta’ Marsaxlokk għal corner.

Ir-riżultat baqa’ ma nbidilx sat-tmiem, b’Marsaxlokk u Naxxar Lions jaqsmu l-punti f’draw ta’ 1-1.