Raġel ta’ 31 sena ngħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li weġġa’ gravi raġel waqt li kienu qegħdin fi stalla taż-żwiemel.
Il-każ imur lura għal Settembru tal-2022 fin-Naxxar fejn allegatament l-imputat kellu argument mal-vittma. Fix-xhieda tal-imputat kien allegat li l-vittma pprova jagġti daqqa ta’ ponn lill-imputat iżda tfixkel u ħabat rasu ma’ karru bil-konsegwenza li tilef ħafna demm. L-għada, l-vittma mar jagħmel rapport ukoll u allega li l-akkużat tah diversi daqqiet ta’ furkettun, fejn anke ppreżenta ċertifikat mediku li juru li weġġa’ gravi.
Fix-xhieda tagħha, il-prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija marru fil-post u ma sabu l-ebda demm mal-karru li semma’ l-imputat.
Il-vittma minn naħa tiegħu spjega li kienu argumentaw dwar ir-rimi tal-ħmieġ taż-żwiemel u l-imputat mar għall-furkettun u tah daqqa fejn eventwalment waqa’.
Il-Qorti sabet li miż-żewġ verżjonijiet tal-inċident sabet li tal-vittma kienet aktar kredibbli u nnotat li l-imputat ta tliet verżjonijiet differenti ta’ kif seħħ l-inċident.
Għalhekk, il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella sabet lill-imputat ħati li weġġa’ gravi lill-vittma, u li hu riċediv u tatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Filwaqt li ħarġet ordni ta’ trażżin għal sentejn u ordnatlu jħallas €309 fi spejjeż tal-Qorti.
//= $special ?>

