Lokali

Survey tal-MaltaToday juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti kompla jonqos

Stħarriġ ippubblikat illum mill-MaltaToday jikkonferma t-triq konsistenti li qabad il-PN taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg. Dan hekk kif l-istess survey juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti issa niżel għal 7,500 vot – distakk li huwa inqas mill-elezzjoni tal-MEPs li saret sentejn ilu, u li jġib lill-PN u lil-Labour kważi ras imb’ras meta wieħed iqabbel mad-distakk tal-aħħar elezzjoni ġenerali.

F’dan l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika l-Partit Nazzjonalista kiseb l-aħjar riżultat li qatt kiseb kemm ilu li laħaq Kap tal-PN Alex Borg. Anke f’dak li huwa t-Trust Rating tal-mexxejja, Alex Borg kompla jżid fl-appoġġ u kiseb l-aħjar riżultat kemm ilu fil-kariga.

L-appoġġ għal Alex Borg kompla jiżdied f’kull survey, biex issa l-Kap tal-PN igawdi appoġġ ta’ 37.7% li wkoll huwa l-ogħla appoġġ mis-surveys kollha li saru kemm ilu li laħaq fil-kariga – żieda ta’ 3.6 punti perċentwali minn Ottubru ‘l hawn.

Jidher ċar li hemm xejra li bdiet sa mill-ewwel survey tal-istess gazzetta li sar kemm ilu li nħatar Alex Borg bħala Kap tal-PN u kompliet tikkonsolida ruħha survey wara survey, u anke fis-survey tal-lum.

Dan kollu jikkonferma li l-PN taħt Alex Borg miexi ’l quddiem b’mod konsistenti.

Is-survey juri illi li kieku kellha ssir elezzjoni issa, b’turnout ta’ 80.7 fil-mija, il-Labour iġib 48.2 fil-mija tal-voti, filwaqt li l-PN iġib 45.6 fil-mija. Dan ukoll huwa sinifikanti, għaliex filwaqt li d-distakk kompla jonqos u l-PN qed jilħaq aktar nies, fadal bla dubju aktar xogħol xi jsir. Fil-fatt, iċ-ċifri tal-MaltaToday juru li għad hemm ammont kbir ta’ persuni li qed jgħidu li ma jridux jivvutaw.

Apparti minn hekk, hemm 13 fil-mija ta’ dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvutaw Labour illi issa qed jgħidu li ma jridux jivvutaw.

L-istħarriġ sar fl-aħħar ġimgħatejn, u kien ibbażat fuq sample ta’ 784 persuna.

Skont dak li ħareġ minn dan is-survey, l-impatt tal-partiti ż-żgħar fuq l-elettorat huwa prattikament ineżistenti.